Lawrence Patrick huwa ġuvni dħuli u intelliġenti Ugandiż ta’ tmintax-il sena li qed jistudja biex għada pitgħada jilħaq tabib. Huwa ġej minn familja kbira u fqira ta’ tmint itfal; seba’ subien u tifla, li lkoll jgħixu f’dar żgħira ħafna. Bħala għajnuna fil-familja, Lawrence fost oħrajn imur iġib il-ħatab u l-ilma, li dan tal-aħħar huwa diffiċli ħafna biex jinkiseb għaliex il-bir li jissuplixxi l-ilma jinsab ’il bogħod ħafna minn fejn joqogħdu.

Il-ġuvni, ta’ kuljum imur iġib l-ilma f’żewġ laned tal-plastik kbar, li jsiru tqal ċomb mimlijin bl-ilma. U meta wieħed iqis li lura d-dar it-triq hija għat-telgħa, tista’ timmaġina kemm ibati Lawrence sa ma jasal bihom. Meta mistoqsi l-għala jixtieq isir tabib, it-tweġiba tiegħu hija waħda sempliċi; dik li jrid jgħin lill-foqra, lill-batuti u lill-morda; lil dawk li tant għandhom bżonn. Huwa żied jgħid li qed jinsisti kemm jiflaħ sabiex jidħol l-università u jġib id-digrieti meħtieġa. Iżda l-ħolma tiegħi ma tistax isseħħ jekk ma jsibx sponser li jgħinu fl-ispejjeż tal-edukazzjoni.

Din mhix ħolma impossibbli; lanqas xejn. Fil-fatt, kienu ħafna l-istudenti li ġew sponsorjati minn persuni Maltin u Għawdxin li komplew bl-istudji tagħhom u waslu fejn xtaqu. Fosthom Johnston Prince, l-ewwel ġuvni li qatt ġie sponsorjat permezz tal-inizjattiva imnedija minn Missio Malta. Johnston illum il-ġurnata laħaq lekċerer f’università fejn qed jgħallem it-teknoloġija.

B’€0.41 kuljum, jew €150 fis-sena, ikollok biżżejjed flus sabiex għal sena tisponsorja tifel jew tifla li m’għandhomx flus biex imorru l-iskola. Din l-inizjattiva jista’ jipparteċipa fiha kulħadd, sew persuni individwali kif ukoll gruppi, bħal pereżempju kollegi tax-xogħol. Ftit taż-żmien wara li ssir l-isponsorizzazzjoni, jintbagħat ritratt u d-dettalji ta’ tifla jew tifel li se tkun qed tiġi megħjuna, filwaqt li darbtejn fis-sena, għal għaxar snin, jibqgħu jintbagħtu ritratt riċenti tat-tifel jew tifla, ittra u/jew tpinġija mit-tfal stess u r-riżultat tal-assessjar tas-suġġetti li jitgħallmu l-iskola.

Missio Malta jaċċerta ruħu li tfal u l-familji tagħhom f’sitwazzjonijiet simili t’hawn fuq, imxerrda mad-dinja kollha taslilhom l-għajnuna meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jirċievu edukazzjoni xierqa. Dan isir billi jintbagħtu flus lill-missjunarji sabiex jipprovdu tagħlim, ikel u mediċini lil dawn l-adulti u tfal. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel lil Missio fuq 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-paġna ta’ Facebook Missio Malta jew iżżur is-sit www.missio.org.mt. Grazzi mill-qalb tad-donazzjonijiet tiegħek.


Gwida.mt