Fuq wieħed mill-programmi li sar ta’ The Entertainers, li jiġi ppreżentat minn Ian J Vella, kienu mistednin Brian Farrugia, Eric Grech u Ġorġ tad-Downats li bħalissa kollha qed jieħdu sehem f’pantomimi tal-Milied differenti.

Naturalment, id-diskussjoni kienet fuq il-Maltin u l-pantomimi. Bħalissa, Brian qed jieħu sehem f’Aladin: Pentow bil-Malti. “Għidt ħa nagħmilha darba… issa t-tnax-il waħda li ħa nagħmel.”

“Li nista’ niżvela… Daħħalna element Malti fiha u x’inhu jiġri hawn Malta, mhux affarijiet ta’ politika biss imma anke affarijiet oħra. Jien se nkun it-tapit maġiku u se tarawni ntir!”

Eric, li dis-sena ħa sehem f’Ġaħan u l-Pjanta li Tiekol lin-Nies, qal li “n-nies illum il-ġurnata importanti għalihom li jsibu żvog fejn  jistgħu jidħku u jieħdu gost mal-familja kollha, inkluż it-tfal.”

Ġorġ, li qed jirreċta f’Robin u Hood, kompla jżid ma’ dan: “Pereżempju  fejn nieħu sehem jien intellgħu it-tfal kollha fuq il-palk u ssir logħba magħhom. Li jgħajtu l-udjenza għax raw xi ħaġa ħażina fuq il-palk… Dak l-entużjażmu huwa xi ħaġa sabiħa.”

Intom se tmorru taraw xi waħda minn dawn il-pantomimi din is-sena? Il-pantomimi tal-Milied saru tradizzjoni tal-Maltin li żgur mhux ta’ min jitlifhom!

Facebook/Brian Farrugia


Nicole Barbara