Il-Messiah ta’ Handel u Stabat Mater ta’ Logroscino huma wħud mill-prestazzjonijiet mill-aqwa li jagħmlu parti mill-programm irrevedut tal-Valletta Baroque Festival li ser jibda’ minn nhar it-Tileta!

Biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-artisti, l-udjenza u l-ħaddiema, Festivals Malta ħa d-deċiżjoni li jirrevedi l-programm tant mistenni tal-Valletta Baroque Festival minħabba l-iżviluppi tal-pandemija Covid-19. Il-programm il-ġdid jinkludi prestazzjonijiet minn diversi artisti u gruppi lokali, bl-inklużjoni ta’ tliett midday concerts ġodda.

Minkejja dan, il-fundatur u d-direttur artistiku tal-Valletta Baroque Festival Kenneth Zammit Tabona jgħid li d-delettanti tal-mużika barokka xorta waħda għandhom għalxiex ikunu ħerqana. “Minkejja s-sitwazzjoni preżenti, l-festival xorta ser jinkludi wħud mill-aqwa solisti u gruppi fix-xena mużikali barokka, hekk kif dejjem sħaqna li nippreżentaw lill-udjenzi tagħna sa mill-bidu tal-festival.”

Il-festival jibda permezz ta’ interpretazzjoni mill-aqwa tal-Messiah ta’ Handel mill-Valletta Baroque Ensemble u Kor Malta ġewwa l-Kon Katidrall ta’ San Ġwann il-Belt. Fil-ġranet ta’ wara ser naraw prestazzjoni minn The Rock Troupers, grupp rock lokali popolari, li ser jgħaqqdu l-mużika klassika ma’ dik barokka b’interpretazzjoni ta’ xogħolijiet minn Bach, Vivaldi, Led Zepplin, Pink Floyd u ħafna aktar.

Delettanti tar-rock żgur m’għandhomx jitilfu dan il-kunċert mill-aqwa! Il-festival ser jinkludi wkoll prestazzjoni esklussiva mill-Monteverdi Project tal-Madrigals ta’ Tozzi u Turini, taħt id-direzzjoni ta’ Marco Mencoboni, kif ukoll Inspired by Baroque; xogħol ikkummissjonat minn Ruben Zahra bis-sehem tal-Malta Philharmonic Orchestra.

Din is-sena ser naraw l-inklużjoni ta’ tliet midday concerts ġodda ‘More than just Ripieno – Baroque Sonatas for Viola’, ‘The Leipzig Circle’ u ‘European Baroque Organ Music’. Kull kunċert ser jiġi ppreżentat f’postijiet differenti, b’hekk l-udjenza tista’ tgawdi l-arkitettura meraviljuża li joffri pajjiżna waqt li tisma’ mużika mill-isbaħ.

Jekk inti delettant tal-mużika, żgur m’għandekx titlef dan il-festival. Wara kollox, tkun qed turi sapport lill-artisti lokali wkoll!

Il-Valletta Baroque Festival huwa produzzjoni ta’ Festivals Malta b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel u Visit Malta, li ser isir bejn it-18 u t-28 ta’ Jannar 2022. Għall-biljetti u aktar informazzjoni żur www.vallettabaroquefestival.mt


Gwida.mt