Ta’ 17-il sena, Rachel Lowell hija kantawtriċi li ħa tiftakar is-sena 2019 tul ħajjitha kollha wara li klassifikat fl-ewwel tliet postijiet f’żewġ kompetizzjonijiet fuq skala nazzjonali apparti li rrapreżentat lil Malta f’kompetizzjoni internazzjonali mtella’ mill-ammiraturi tal-Eurovision Song Contest. Flimkien ma’ Rachel, nitkelmu dwar il-karriera tagħha fil-mużika, u x’tagħmel lil’hinn mill-mużika.

Ritratt: Facebook / Rachel Lowell

L-ewwel nett, qabel tidħol għal kwalunke proġett, x’ikun għaddej minn moħħok? Qabel nidħol għal kwalunke proġett, nara li nkun nista’ nagħti il-100 fil-100 tiegħi għax dak li nkun ħa nagħmel inkun irrid nagħmlu b’mod tajjeb! Huwa b’hekk li nista’ nieħu gost u ngawdi l-esperjenza bi sħiħ.

Kemm fid-dinja tal-mużika kif ukoll lil’hinn minnha, din kienet l-ewwel sena bħala adulta. X’tikkumenta dwar dan?

Kienet sena impenjattiva ħafna, kemm fix-xena mużikali kif ukoll mil-lat skolastiku. Bla dubju ta’ xejn, tkun xi ftit ta’ sfida, għax tħossok iż-żgħira f’dinja adulta però nħobb naħseb li jien persuna determinata u lesta għal kull ħaġa li toffri l-ħajja.

Minn Kajfas Għal Għand Pilatu, ipparteċipajt biha fl-Għanja tal-Poplu aktar kmieni din is-sena, it-titlu qanqal ftit interess. Kif tnebbaħt b’din il-frażi idjomatika, u x’messaġġ xtaqt twassal biha?

Naħseb li xi darba jew oħra, kull bniedem esperjenza sitwazzjoni fejn xtaq isib risposta jew għajnuna iżda tkun ħafna iktar diffiċli minn kemm il-bniedem jaħseb. Jibdew jibgħatuk minn persuna għall-oħra, iżda dak li tkun trid ma jasal qatt. Fil-verità, iġibuk daqslikieku Kajfas qed jgħaddik għand Pilatu u ċ-ċiklu jibqa’ jirrepeti ruħu.

Ritratt: Facebook / Rachel Lowell

Klassifikajt fit-tielet post, u irbaħt it-titlu tal-aqwa kanzunetta oriġinali. X’kien għaddej minn moħħok waqt il-premjazzjoni?

Kienet l-ewwel sena tiegħi li stajt nikkompeti f’dan il-festival tant prestiġġjuż tal-kanzunetta Maltija. Għalkemm minn dejjem kont nemmen ħafna fil-kanzunetta tiegħi, qatt ma bsart xejn għax il-kanzunetti kollha li waslu fil-finali kienu ta’ livell għoli ħafna u kollha verament sbieħ. Ikolli ngħid li ħassejtni qisni qed ngħix ħolma xħin smajt ismi waqt ħin il-premjazzjoni.

Kemm hu importanti li kantant ma jeħilx ma’ ġeneru wieħed tal-mużika?

Minn meta kont ħafna iżgħar kelli għal qalbi ħafna l-ballad però nemmen li kantant għandu jkun versatili u jipprova kull tip ta’ stil. Il-kanzunetta Minn Kajfas Għal Għand Pilatu kienet ta’ stil totalment differenti għalija iżda hija waħda mill-aktar kanzunetti li ħadt pjaċir ninterpreta.

Ritratt: Facebook / Rachel Lowell

Għamilt debutt ukoll fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Li Stajt Nagħżel Jien. Dwar xiex titratta din il-kanzunetta, u x’wasslek biex tkanta dwar dan is-suġġett?

Li Stajt Nagħżel Jien hi kanzunetta dwar l-abort iżda minn perspettiva ta’ tarbija. Naħseb li nisimgħu ħafna opinjonijiet dwar dan is-suġġett però forsi qatt ma tajna każ x’setgħet u x’tixtieq tgħid it-tarbija kieku kellha leħen.

Irbaħt u wiċċek kien jidher ixxokkjat ta’ vera. X’kienet l-ewwel ħaġa li għaddiet minn moħħok mat-tħabbira, stennejt li ġa tirbaħ?

Nerġa’ ntenni li jien nemmen ħafna f’kull kanzunetta li naħdem fuqha però qatt ma nistenna xejn. Kienet l-ewwel sena tiegħi u ġa ta’ sodisfazzjoni li wasalt sal-finali. Jekk nkun onestà, ma niftakarx x’għaddha minn moħħi però kont sodisfatta ferm li l-messaġġ li ridt inwassal, kien wasal.

Ritratt: Facebook / Rachel Lowell

Min hi Rachel Lowell, u kif resqet lejn il-mużika?

Minn dejjem kelli l-mużika għal qalbi u l-ewwel memorji li għandi tal-kant kienu meta n-nannu kien ikantali. Bdejt nattendi xi lezzjonijiet tal-musical theatre meta kelli erba’ snin. Ta’ xi disa’ snin, iddeċidejt li niffoka aktar fuq il-linja tal-vuċi u minn hemm qatt m’erġajt ħarist lura. Illum il-ġurnata, apparti l-musical theatre u l-vuċi, indoqq il-pjanu u nistudja t-teorija tal-mużika.

Apparti l-mużika, x’interessi għandek?

Jien ninsab fit-tieni sena tiegħu ġewwa s-sitt sena fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u qed nistudja l-Malti u l-Ingliż sabiex inkompli nistudja l-liġi fl-Universita’ ta’ Malta.

Ritratt: Facebook / Rachel Lowell

Din is-sena, irrapreżentajt ‘il Malta fir-raba’ edizzjoni tal-OGAE Fan Vision Song Contest bil-kanzunetta A Million Voices. X’ħajrek li tieħu sehem, u x’tgħallimt minn din l-esperjenza?

Il-Eurovision dejjem kellu post speċjali f’qalbi u l-idea li stajt nirrapreżenta ‘l Malta f’kompetizzjoni internazzjonali mtella’ proprju mill-ammiraturi tal-Eurovision ħajjritni, u mhux ftit. Iltqajt ma’ ħafna segwaċi, diversi ġurnalisti kif ukoll kantanti minn pajjiżi differenti u kienet ħaġa sabiħa li kulħadd ingħaqad filmkien għal skop wieħed, biex napprezzaw dik li hi verament għal qalb kulħadd, il-mużika.

Rachel u l-Junior Eurovision tal-2016 li sar Malta. X’rabta hemm bejniethom?

Jien kont wasalt sal-finali tal-Malta Junior Eurovision Song Contest li kien saw ġewwa Dar il-Mediterran fl-2016. Kienet esperjenza verament għal qalbi li m’jien ħa ninsa qatt li żżewqet b’mod isbaħ meta ġejt ikkuntatjata biex inkun parti mill-provi tal-Junior Eurovision Song Contest f’post il-kantanti tal-pajjiżi differenti waqt il-provi tekniċi.

Ritratt: Facebook / Rachel Lowell

Li Tiżra Taħsad. Qawl Malti li inti għandek relazzjoni miegħu. Għaliex?

Li Tiżra' Taħsad kien proprju it-titlu tal-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħi fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Philip Vella. Kienet ukoll il-kanzunetta li waslitni sas-serata finali tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ fl-2018. Hi kanzunetta li twassal il-messaġġ li kull bniedem jista’ jasal fejn irid jekk jaħseb b’mod determinat għal dak li jixtieq.

Xi pjanijiet hemm fil-futur qarib?

Bħalissa qed nagħti importanza kbira lill-eżamijiet li għandi fl-2020, l-eżamijiet ta’ livell avvanzat iżda wkoll se nkun qed naħdem fuq xi materjal oriġinali kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliz apparti li ħa nkompli l-eżamijiet tal-vuċi, pjanu u teorija.

Facebook / Rachel Lowell


Marc Calleja Bayliss