Lura fi Frar li għadda segwejna edizzjoni oħra tal-Malta Eurovision, fejn fost l-aqwa tlieta hemm Kantera bil-kanzunetta Lalaratakakeke Lalaratakabum. Din kienet l-ewwel darba għall-grupp Malti li pparteċipa f'dan il-konkors, wara s-suċċess li kisbu f'Mużika Mużika.
Tkellmina magħhom dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Malta Eurovision, fosthom dwar il-kanzunetta kif ukoll dwar pjanijiet għall-futur fil-karriera mużikali tagħhom.
Xi tgħidulna dwar l-ewwel esperjenza tagħhkom fil-Malta Eurovision?
Din kienet l-ewwel esperjenza tagħna li ħadna sehem fil-Malta Eurovision Song Contest. Kienet esperjenza tassew mill-isbaħ u ser tibqa' mnaqqxa f’qalbna.
Kif kien ir-rispons tan-nies għal din il-parteċipazzjoni tagħkom?
Ir-rispons kien wieħed fenomenali, kemm lokalment u anke internazzjonalment. Ħafna staqsewna fuq il-kanzunetta u kif ġejna ispirati li niktbu l-kanzunetta Lalaratatakeke Lalaratakabum, u anke fuq l-istrumenti tradizzjonali li użajna.
X’hemm komuni jew differenti bejn il-parteċipazzjoni tagħkom f’Mużika Mużika u dik tal-Malta Eurovision?
Huma żewġ festivals differenti u ma tistax tqabbel jew tikkumpara bejniethom it-tnejn. Huma żewġ festivals kbar li fihom pjattaforma kbira għall-artisti Maltin. Aħna min-naħa tagħna li ħadna sehem fihom it-tnejn, id-differenza kienet minima, peress li aħna grupp li nipproduċu kanzunetti bil-Malti b’togħma folkloristika. Kienet naturali li nieħdu sehem fihom it-tnejn mingħajr ma biddilna l-istil mużikali tagħna, fejn anke klassifikajna kull darba li ħadna sehem.
L-isem tal-kanzunetta mill-ewwel kien Lalaratatakeke Lalaratakabum jew kellkom xi ideat oħra simili?
Il-kanzunetta hija ispirata fuq dak li jagħmilna Maltin, kemm minn aspett ta' lingwa, kif ukoll il-festi li jsawruna, bħall-Karnival, il-Ħuġġieġa ta' San Ġwann, u L-Imnarja, fuq lirika miktuba min Joe Julian Farrugia. L-isem tal-kanzunetta hu kelma ivvintata mma ispirata mill-marċi tal-festi.
Xi kurżitajiet oħra dwar l-ispirazzjoni għal dan it-titlu?
L-isem Lalaratatakeke Lalaratakabum ġie ispirat minn marċ ta' festa Maltija. Meta tmur marċ ta' festa u tkun trid tkompli fil-marci, u ma tkunx taf il-kliem li jkun qiegħed jitkanta, awtomatikament biex tkompli magħhom tkanta 'lalalalala 'flok il-kliem. 'Ratakabum' huwa ispirat mill-ħsejjes tal-katuba u l-murtali, u b’hekk ħloqna l-isem tal-kanzunetta permezz ta' dawn l-elementi u l-ħsejjes li jkollna fil-festa Maltija.
Xi tgħidulna dwar il-kompożizzjoni u l-mużika f’Lalaratatakeke Lalaratakabum?
Il-kanzunetta Lalaratatakeke Lalaratakabum ġiet miktuba waqt il-music camp li ġie organizzat mill-PBS matul is-sajf tal-2024. Inkitbet minna Kantera, Tom Ohler, Linnea Deb u Joe Julian Farrugia.
Ħa nerġgħu narawkom tikkompetu fil-Malta Eurovision fis-snin li ġejjin?
Aħna qatt ma nagħlqu l-bibien u ngħidu li mhux ser nieħdu sehem fil-futur, imma bħalissa qegħdin niffukaw fuq il-proġetti li għandna għall-futur, fosthom kunċerti lokalment u anke barra minn xtutna. Qegħdin ukoll naħdmu fuq kanzunetti oriġinali ġodda li ser ikunu varati dan is-sajf.
Messaġġ tagħkom għal dawk kollha li jappoġġjawkom u jsegwukom, u għall-pubbliku inġenerali.
Grazzi lill-pubbliku tas-sapport li dejjem tana matul dawn il-ħames snin li ilna għaddejjin b’dan il-proġett tagħna, bil-ġeneru Ethno pop u Fusion Folk, għaliex permezz ta' dan il-ġeneru qegħdin indaħħlu dawk l-elementi li jagħmluna Maltin, sabiex jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.
Messaġġ għal Miriana Conte, li ħa tirrappreżentana f’Mejju li ġej.
Awguri Miriana, u ibqa' kif inti, u ibqa' ħares 'il quddiem ħalli sservi lil Malta ġewwa Basel.
It-tim ta' Gwida.mt jirringrazzja lill-grupp Kantera tal-ħin tagħhom għal din l-intervista sabiħa. Nawgurawlhom mill-qalb għal aktar suċċessi fil-karriera tagħhom u affarijiet sbieħ fil-ħajja!
Facebook/ Kantera