Lura fi Frar li għadda segwejna edizzjoni oħra tal-Malta Eurovision, fejn fost l-aqwa tlieta hemm Kristy Spiteri bil-kanzunetta Heaven Sent. Kristy klassifikat fit-tieni post u kienet biss ftit punti bogħod mill-ewwel post.
Lil Kristy rajnieha anke f'konkorsi lokali oħra bħal X Factor Malta, fejn ipparteċipat darbtejn, u anke fl-ewwel edizzjoni ta' Brillanti. F'intervista li kellna ma' Kristy, tkellmina dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-Malta Eurovision, fosthom dwar il-kanzunetta kif ukoll dwar pjanijiet għall-futur fil-karriera mużikali tagħha.
Kristy, lilek rajnik tibrilla f’diversi konkorsi lokali, fosthom Sanremo Junior Malta, Brillanti, X Factor Malta, KKI, u issa anke l-Malta Eurovision. Xi tgħidilna dwar dawn l-esperjenzi?
Kull konkors kien esperjenza li kollha kemm huma għenuni biex nikber artistikament. Mumenti ħelwin li ma ninsa qatt u nibqa' ngħożż tul ħajti kollha.
Rajniek anke parti minn trio sena ilu, Sopranique. Kif kienet l-esperjenza?
Ma' Sopranique kienet esperjenza ħelwa ħafna fejn it-tlieta li aħna stajna nuru l-vuċijiet klassiċi tagħna.
X’taħseb dwar l-idea li artist jaħdem fi grupp? Tgħin?, u jekk iva, kif?
Nemmen li tgħin, għaliex inkunu nistgħu naqsmu l-ideat u l-eċitament li jġib miegħu festival prestiġjuż.
Heaven Sent; kif oriġinat u x’kienet l-ispirazzjoni ewlenija ta’ din il-kanzunetta?
Heaven Sent ħadet il-ħajja ġewwa l-Music Camp li sar f'Malta s-sena li għaddiet. Ridna xi ħaġa differenti, u għalhekk għaqqadna l-Pop mal-klassiku. Titkellem dwar l-ewwel imħabba u kif wieħed iħossu meta jkun hemm dak ix-xi ħadd speċjali f'ħajtek.
Ġejt fit-tieni post u kont viċin ħafna li tirbaħ – xi tfisser għalik din?
Tfisser li nħoss li qiegħda fit-triq it-tajba, u b'wiċċi minn quddiem nirringrazzja lill-pubbliku, għaliex il-kanzunetta intlaqat tajjeb ħafna.
X’kienu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tiegħek meta kont fl-ewwel pożizzjoni għal diversi mumenti?
Bla ebda dubju dak il-ħin ma tkunx taf x'laqtek, u l-eċitament jibda jikber aktar u aktar meta tibda tisma' lin-nies fis sala jgħajtu isem il-kanzunetta tiegħek.
Tul dan il-vjaġġ tal-MESC, kien hemm xi kumment partikolari li rċevejt u li baqa’ ttimbrat f’moħħok u tant apprezzajtu? Għaliex?
Irċivejt diversi kummenti minn nies anke popolari, fosthom Kevin Borg fejn kitibli, 'I rarely comment but you were really awesome Kristy, Prosit! Vocals on point and a fantastic performance! You should be very proud!'
Messaġġ mingħandek għal dawk kollha li jappoġġjawk u jsegwuk, u għall-pubbliku inġenerali.
L-ewwel nett nixtieq nibda billi nirringrazzja lit-tim kollu li kelli warajja matul dan il-vjaġġ, l-aktar lill-familja tiegħi tas-sapport kontinwu tagħhom, lill-awturi u l-kompożituri tal-kanzunetta Heaven Sent - Tom Oehler, Teya u Linnea Deb, il-moħħ biex inħolqot din il-kanzunetta li se tibqa f'post speċjali f'qalbi. Nirringrazzja minn qalbi lill-pubbliku tas-sapport. Inħares 'l quddiem għal dak kollu li għandi lest għall-futur.
Messaġġ għal Miriana Conte, li ħa tirrappreżentana f’Mejju li ġej.
Awguri mill-qalb lilek Miriana, ninsab verament ħerqana biex narak fuq il-palk tal-Eurovision Song Contest. Ċerta li se tirrappreżenta lil Malta bl-aħjar mod possibbli. Awguri Mir, u ejja min hemm. 'Go and serve'.
It-tim ta' Gwida.mt jirringrazzja lil Kristy tal-ħin tagħha għal din l-intervista sabiħa. Nawgurawlha mill-qalb għal aktar suċċessi fil-karriera tagħha u affarijiet sbieħ fil-ħajja!
Instagram/ Kristy Spiteri