Proprju fit-8 ta' Settembru, il-kantanta Kristy Spiteri rnexxielha tikseb it-tieni post fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza bis-silta tagħha Il-Ħtija Tagħna Lkoll li kellha kompożizzjoni ta' David Joseph Sammut u lirika ta' Ritianne Frendo. Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu ftit magħha dwar din l-esperjenza. Araw x'kellha xi tgħidilna.
Kristy, kanzunetta b’tema attwali mmens li waslitek fit-tieni post tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza. X’tgħidilna dwar it-tema tal-kanzunetta u kemm hu importanti li tkanta fuq temi attwali?
It-tema tal-kanzunetta hija wahda b’saħħitha li nemmen li għandna nagħtu kasha b’aktar importanza. Mhijiex sitwazzjoni fittizja, iżda reali li jaf tolqot lin-nies kiesaħ u biered, bla mistenni u ħafna drabi mingħajr ħtija. It-tema tagħha turi mhux biss tbatija fiżika, iżda tbatija emozzjonali li jgħaddu minnha l-familja kull meta titħalla vittma, speċjalment jekk dan ikun sar bi traskuraġni.
Għandna naħtu importanza lill-kanzunetti għax dawn jistgħu jservu biex jiftħulna għajnejna fuq sitwazzjonijiet li jiġru madwarna, sabiex il-messaġġ li jkun hemm fil-kanzunetta, ma jasalx fuq widnejn torox. Il-lirika u l-mużika, hija mod ieħor ta’ espressjoni tad-diqa u t-tbatija ta’ ħafna mill-affarijiet li naraw madwarna.
Forsi ftit jafu, iżda l-kanzunetta hija miktuba miz-zija tiegħek Ritianne Frendo. Kif kienet l-esperjenza tiegħek li taħdem maz-zija fuq kanzunetta oriġinali u kif inħolqot din il-kanzunetta?
Inħossni onorata li għandi l-opportunità illi naħdem maz-zija tiegħi, għaliex il-valur tal-familja huwa verament importanti f’ħajti, u nemmen li llum ninsab fejn wasalt bis-saħħa tagħhom għax emmnu fija u fihom dejjem rajt pilastru u eżempji tajbin.
Iz-zija tinqala’ ħafna biex tikteb bil-Malti u ssib kliem mill-isbaħ sabiex tirrakkonta storja b’emozzjonijiet imħallta, li mbagħad naqilbuha f’kanzunetta. Darba fost l-oħrajn urietni il-lirika proprju tal-kanzunetta ‘Il-Ħtija Tagħna Lkoll’ u verament serqitli qalbi… u meta għaqqadnieha mal-mużika kompliet tieħu l-ħajja.
Il-versatilità tiegħek hija waħda li żgur kulħadd jammira. Rajniek f’X Factor Malta bi stil mexxej u kontemporanju, rajniek fuq Brillanti Goes Classical bi stil klassiku. Għandek xi ġeneru li tippreferi fuq ieħor?
Inħobb nesperimenta bil-vuċi, fil-fatt inkanta kemm pop u klassiku u anke nesperimenta b’xi ġeneru ieħor, bhal rap. Diffiċli immens biex nagħżel ġeneru wieħed biss, għaliex kull ġeneru fih is-sabiħ tiegħu u jiftħu bibien ġodda u jkollha jwasslu għal opportunitajiet differenti; eżempju nieħu mill-esperjenza personali tiegħi, il-klassiku għandu l-istil formali li wassalni fuq il-palk tat-Teatru Manoel, filwaqt li l-istil mexxej wassalni għal fuq il-palk tal-MFCC. Għalhekk impossibbli nagħżel il-ġeneru li nippreferi għaliex it-tnejn li huma bnew il-kantanta li jien illum, li kif sejjaħt int stess, versatili.

Ritratt mal-kompożitur u surmast David Joseph Sammut.
Din mhux l-ewwel darba li qed narawk tkanta bil-lingwa Maltija. Tħoss li l-artisti għandhom jinterpretaw kanzunetta bi lsien pajjiżna?
Ilsienna huwa wieħed mill-isbaħ u uniku. Hija ħasra li ma nużawhx u nwarrbuh, għandna kliem mill-isbaħ li rari nsibu kliem aħjar b’lingwa oħra. Ngħid għalija, meta nkun qed inkanta bil-lingwa Maltija, inħoss li l-emozzjonijiet tiegħi u l-lirika tad-diska jkunu aktar ġenwini u mill-qalb. Għalhekk nemmen li l-artisti Maltin għandhom jużaw kemm jista’ jkun il-Malti ladarba għandna l-opportunità biex nutilizzaw lingwa ferm diversa u unika.

Ritratt mal-awtriċi Ritianne Frendo li tiġi wkoll iz-zija tagħha.
X’għandna nistennew minn Kristy fil-futur?
Hemm ħafna proġetti li qed naħdem fuqhom bħalissa u nispera li dak li qed naħdem għalih jintgħoġob. Naturalment jeħtieġ ukoll niffoka wkoll fuq l-edukazzjoni, għax proprju fil-ġimgħat li ġejjin nibda t-tieni sena tiegħi fl-Università, allura rrid insib bilanċ bejn il-karriera u l-edukazzjoni, filwaqt li nżomm f’moħħi dak li nista’ noffri fil-futur biex inkompli nikber anke fil-qasam tal-kant.
