Nicole Vella hija r-rappreżentanta Maltija fl-edizzjoni li jmiss tal-konkors Miss World li se jsir f'Londra. Nicole titkellem dwar x'wassalha biex tipparteċipa fil-konkors f'Malta. Nitkellmu wkoll dwar oqsma oħra tal-arti u l-ispettaklu li hija midħla fihom, kif ukoll dwar ommha, il-kantanta Debbie Scerri. Taqsam magħna diversi esperjenzi fosthom waħda ħelwa li seħħet fl-Awstralja meta Nicole kellha tliet snin waqt li ommha kienet qiegħda tagħti wirja.

Nicole, x’kienu l-aspettativi tiegħek meta dħalt għall-konkors ta’ Miss World Malta?

Il-konkors ta’ Miss World Malta kien verament l-ewwel esperjenza tiegħi fil-modelling. Jiena persuna li nħobb nipprova affarijiet ġodda li jgħinuni nikber bħala persuna u min dejjem xtaqt nara x’toffri t-taqsima tal-modelling. Għalhekk iddeċidejt li nidħol f’dan il-konkors. Permezz tiegħu bdejt inħossni iktar kunfidenti, speċjalment fil-photoshoots li kien ikollna jew meta kellna navviċinaw lin-nies biex jgħinuna niġbru l-fondi għal Dr. Klown għall-kampanja Beauty with a Purpose. Din kienet pjuttost l-iktar ħaġa li ridt naħdem fuqha matul din l-esperjenza.

View this post on Instagram

A post shared by Miss World Malta 2019 (@nicole_vella_) on

Minbarra l-modelling int tkanta wkoll, tiżfen u ddoqq il-pjanu. Xi tfisser l-arti għalik?

L-arti hija parti kbira minn ħajti għaliex minn dejjem kont esposta għaliha. Il-ġenituri tiegħi jagħtuni ħafna appoġġ kull meta mmur indoqq jew inkanta x’imkien jew meta kien ikolli xi shows tal-ballet. Ilni ndoqq il-pjanu minn mindu kelli sitt snin u niżfen il-ballet ta’ tliet snin. Kważi kważi nista’ ngħid li ħajti nħossha vojta kieku kelli nwaqqaf dawn il-passatempi.

F’liema arti l-aktar li tħossok l-aktar komda?

Hija mistoqsija diffiċli għalija għaliex kollha nagħmilhom b’passjoni kbira u nħossni komda f’kollox. M’hijiex faċli tagħmilhom kollha f’daqqa speċjalment meta jkolli xi eżami ġej peress li tkun iktar impenjata bil-provi u l-prattika. Però min dejjem kont naf inqassam ħini sew u allura ma kinitx tkun daqshekk diffiċli nżomm lili nnifsi kalma.

View this post on Instagram

A post shared by Miss World Malta 2019 (@nicole_vella_) on

Kbirt tara lil-mamà tiegħek Debbie Scerri tkanta f’bosta avvenimenti kbar. X’kont tħoss meta ta’ tifla kont tara lil mamà tkanta?

Il-mamà minn dejjem kont nammiraha kemm bħala persuna u anke kantanta. Dejjem kont noqgħod nagħmel xi żifniet mad-diski tagħha jew noqgħod inkanta magħhom meta kont żgħira. Għaldaqstant anke fuq il-palk magħha kont nipprova niddeffes! Huwa unur kbir għalija li nista’ ngħid li jien it-tifla tagħha.

Smajt li meta kont żgħira spiċċajt fuq il-palk mal-mamà. X’kien ġara eżatt?

Din hija storja ħelwa ta’ meta l-mamà kienet mistiedna biex tmur tkanta l-Awstralja. Jien kien għad kelli biss tliet snin u allura ta’ tifla li kont, kont nagħmel minn kollox biex niddeffes u jkolli l-attenzjoni kollha fuqi. Għandha kanzunetta jisimha Tbissima u qabel ma kienet tibda tkantaha kont immur eżatt quddiem il-palk biex nitla’ ħdejha. Ovvjament kienet tkun impossibbli li tgħidli le għaliex għalija kienet tradizzjoni li nitla nkanta ma’ din id-diska. U b’hekk, spiċċajt fuq l-palk inkanta mal-mamà.

View this post on Instagram

A post shared by Miss World Malta 2019 (@nicole_vella_) on

Il-mamà kienet marret għal Eurovision. Imma xi jfisser għalik il-Eurovision Song Contest?

Ifisser ħafna għalina. Kull sena nsegwuh u jekk ikollna xi mpenji oħra f’dik il-ġimgħa naraw x’nagħmlu biex nirranġaw ħalli ma nitilfux il-Eurovision. F’dawk il-ftit jiem id-dar tagħna tkun għaddejja b’maratona ta’ diski li marru l-Eurovision u nista’ nassiġurak li l-qraba tiegħi li ma jħobbux il-Eurovision jispiċċaw jumbrawh iżjed! Meta l-mamà telgħet tirrappreżenta lil Malta fl-1997 jien kont għadni ma’ twelidx iżda mill-filmati li kont rajt minn dejjem kelli dik ix-xewqa li xi darba jien stess nirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision ukoll.

Kif tiddeskrivi r-relazzjoni tiegħek mal-ġenituri?

Jien u l-ġenituri tiegħi għandna relazzjoni pjuttost sabiħa. Nagħtu ħafna appoġġ lil xulxin, ikun fiex ikun, u nemmen li dik hija ħaġa verament importanti biex tmantni relazzjoni tajba. Il-ġenituri tiegħi jieħdu ħafna paċenzja bija, iwassluni kullimkien u jsegwuni meta jkolli xi ħaġa.

Bħal kull żagħżugħ jew żagħżugħa, jaf inqabbiżhielhom xi ftit ukoll speċjalment meta nkun xi ftit għażżiena jew ma nkunx irrid naħsel l-art. Però għandi apprezzament kbir lejhom u nixtieq nirringrazzjahom ta’ kulma jagħmlu miegħi.

View this post on Instagram

A post shared by Miss World Malta 2019 (@nicole_vella_) on

Smajt li n-nanna għandha sehem importanti f’ħajtek. Xi tgħidilna dwarha?

Iva, in-nanna hija persuna importanti ħafna għalija. Meta kont żgħira dejjem niġri magħha u man-nannu meta l-mamà u l-papà kienu jkunu xogħol. Għandna relazzjoni tajba ħafna u vera naqblu. Meta ġieli sifirna u konna mmorru ġo xi adventure park, in-nanna kienet tkun il-persuna li titla’ miegħi fuq kull ride.

Jien inħobb insajjar il-ħelu u nista’ ngħid li din il-karatteristika ġibtha mingħand in-nanna. Dejjem ittini xi riċetta ġdida ta’ xi kejk jew fi żmien l-Għid tiġi d-dar u noqogħdu nagħmlu l-figolli flimkien. In-nanna tieħu ħafna paċenżja bija, speċjalment meta nkunu msifrin u noqgħod noħdilha r-ritratti bil-moħbi mbagħad tibda tgerger miegħi meta tinduna x’inkun għamilt! Però dejjem nispiċċaw nidħqu xi daħka meta jgħaddi ftit żmien u nerġgħu naraw dawk ir-ritratti!

Irbaħt il-konkors tal-Miss World Malta proprju waqt li kont għaddejja bl-eżamijiet. L-impenn f’dan il-konkors affettwalek b’xi modi l-istudji tiegħek?

Hekk hu. M’ihiex faċli tkun l-Università. Jien m’iniex xi waħda li nħalli xi ħaġa taffetwani b’mod ħażin. Jien tip ta’ persuna li la dħalt għal xi ħaġa ser nagħmilha sew u nagħti il-110%. Kont naf li fix-xahar tal-konkors kont se nkun imħabbta ħafna iżda qassamt ħini sew u bdejt nistudja minn qabel biex ma jkollix ħafna xogħol f’dak il-perjodu.

Issa nista’ ngħid li rnexxieli għaliex meta rċevejt ir-riżultati kont kuntenta b’dak li rajt u xi ħaġa bħal din iġġegħilni nibqa’ naħdem u nistinkaw għax naf li dejjem jirnexxili anke jekk matul dak il-perjodu nkun xi ftit stressjata.

View this post on Instagram

A post shared by Miss World Malta 2019 (@nicole_vella_) on

Kif qed tħejji ruħek għall-parteċipazzjoni tiegħek fil-konkors internazzjonali tal-Miss World?

Għandna ħafna preparamenti iżda qed nieħu gost nagħmel kollox u l-eċċitament qed jikber bis-sekondi! Bħalissa qiegħda niffoka ħafna fuq il-kampanja Beauty with a Purpose għaliex apparti s-sbuħija, dan it-titlu huwa importanti ħafna f’dan il-konkors.

F’Miss World, Beauty with a Purpose hija organizzazzjoni li tiġbor il-flus u tipparteċipa fi proġetti umanitarji madwar id-dinja, l-iktar l-iktar biex tgħin lit-tfal. Jien minn dejjem kont inħobb ngħin u allura dan il-proġett huwa verament għal qalbi peress li naf li bit-titlu ta’ Miss World Malta għandi ċ-ċans nagħmel differenza. Iktar ’il quddiem se nħabbar ftit iktar dettalji fuq dan il-proġett allura nissuġġerixxi li żżommu ruħkom aġġornati fuq il-paġni tal-midja soċjali kemm tiegħi u ta’ Miss World Malta.

X’inhi l-ikbar sfida li tħoss li għandek għal dan il-konkors?

Ser nikkompeti ma’ 130 pajjiż u allura dik diġà sfida minnha nfisha għaliex nixtieq li Malta tavvanza kemxejn ’il quddiem fil-klassifika. Iżda vera ħerqana biex niltaqa’ mal-kontestanti l-oħrajn, nagħmel ħbieb ġodda u niltaqa’ ma’ kulturi differenti madwar id-dinja. Relazzjonijiet interkulturali huma importanti għalija għaliex nemmen li meta tesponi lilek innifsek għal kulturi u pajjiżi differenti tgħinek tikber bħala persuna u xejn xejn meta ssiefer ikollok ma’ min tista’ tiltaqa’ wkoll.

View this post on Instagram

A post shared by Miss World Malta 2019 (@nicole_vella_) on

Wara li jgħaddi l-Miss World, x’qed tippjana aktar fil-ħajja tiegħek?

Wara Miss World l-iktar ħaġa li ser niffoka fuqha, apparti l-familja u l-ħbieb, ser tkun l-Università għaliex hija l-aħħar sena tiegħi u l-iktar waħda kruċjali. Eventwalment nixtieq insiefer biex inkompli il-Masters u jekk Alla jrid, inġib degree fil-Music Therapy. Nixtieq ukoll li jkolli l-opportunità li nżur iktar pajjiżi għaliex hija waħda mill-ikbar xewqat tiegħi u s-safar huwa gost kbir minn tiegħi.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Ritratt: Bernard Polidano


Frederick Zammit