Joe Saliba jitkellem mal-paġna popolari The People of Malta, fejn jaqsam ftit dettalji dwar id-delizzju kemxejn differenti li għandu! Hu jibda billi jistqarr, "Jiena kollezzjonist taċ-ċrieket tal-ħamiem, inrabbi l-ħamiem, nipparteċipa f'tiġrijiet tal-ħamiem, u tista' tgħid li ħajti imma mdawwra man-namra lejn il-ħamiem. Jafuni bħala s-Sea Spray."

Hu jispjega mal-istess paġna, "Fil-kollezzjoni tiegħi, li sal-lum tammonta għal kważi 14,000 ċurkett, se ssibli ċrieket ta’ kull sena, minn madwar id-dinja kollha. U kollox għandi rrekordjat, sa anki l-biljett inżomm li joħroġ maċ-ċurkett. F'Malta hemm oħrajn bħali, imma l-kollezzjoni li għandi hija unika. Minn dejjem kont nixtri l-kotba u l-magazines tal-ħamiem."

Saliba jżid, "Meta kelli xi 30 sena, dak iż-żmien, fettili nikteb lil wieħed Ingliż li kellu artiklu dwar il-kollezzjoni taċ-ċrieket. Kien spiċċa bagħatli xi ċrieket, u minn hemm bdiet l-istorja tat-tfaddil taċ-ċrieket tal-ħamiem. Id-delizzju tal-ħamiem beda ħafna qabel. Darba fost l-oħrajn kont ix-xatt ta' Tas-Sliema ma' missieri nistad. Niżlet ħamiema ħdejja, baqgħet hemm, u din il-ħamiema ridt intellaha miegħi d-dar. U minn waħda ġew tnejn, erba' u dejjem inżid."

Hu jirrakkonta, "Spiċċajt dħalt fil-klabb tal-ħamiem u anki ntellaq il-ħamiem fejn ksibt diversi unuri. Saħansitra darba minnhom, kont qiegħed fuq btala Londra, sar jaf bija l-Loft Manager tar-Reġina u kien stedinni biex immur niltaqa' miegħu. Esperjenza li ma ninsa' qatt. Kien sema' bil-passatemp tiegħi u bis-suċċessi li kont nikseb fit-tlielaq tal-ħamiem, u stedinni għandu."

Hu jkomplu, "Illum, jiena wieħed mill-antiki fit-trobbija tal-ħamiem. Fl-1973/74, kont ħadt l-ewwel minn Malta kollha fil-Bari Federation Race u dis-sena se nerġa' nipprova din it-tiġrija prestiġġjuża. Waqt it-tiġrija nkun qisni tifel żgħir nistenna biex jasal lura l-ħamiem, u mbagħad l-għada mmur il-klabb indaħħlu l-ħinijiet ta' x'ħin daħal lura t-tajr."

Saliba jżid, "Delizzju li jieħu ħafna ħin, spejjeż u dedikazzjoni. Però din hi l-passjoni tiegħi. Lili ssibni dejjem fuq il-bejt mal-ħamiem jew il-ħarġa tiegħi immur sal-klabb jew il-petshop tat-tifel, biex l-istess, nitkellmu fuq il-ħamiem... Illum il-membri naqsu ħafna u waħda mill-kawżi għal dan it-tnaqqis ġej minħabba l-bini modern li tiela' u li ma jippermettix li wieħed ikollu spazju fejn irabbi l-ħamiem."

Facebook / The People of Malta


Gwida.mt