Isem Moira Delia bla dubju hu assoċjat mad-drittijiet tal-annimali u l-programm Animal Diaries hu l-aktar programm popolari tal-ġeneru tiegħu f’pajjiżna. Permezz ta’ dawn il-paġni se nitkellmu kif ħafna jistennew dwar l-annimali, imma mhux biss għax dwar Moira Delia hemm ħafna affarijiet x’niskopru. Apparti l-introduzzjoni tal-inċineratur għall-annimali f’pajjiżna, Moira titkellem ukoll fuq il-problema tal-qtates fit-toroq. 

View this post on Instagram

A post shared by Moira Delia (@moira_delia) on

Moira, kważi għadda staġun ieħor ta’ Animal Diaries. Kif tħares lejn din l-aħħar sena u liema temmen kienu l-iktar programmi li qanqlu interess? 

Dan l-istaġun kien staġun fejn diversi rapporti dwar l-kura tal-annimali qanqlu ħafna lmenti. Avolja hawn ħafna aktar kura, hawn ukoll ħafna krudeltà fuq annimali li jgħixu fid-djar. Niltaqa’ ma’ ħafna każijiet fejn nisma’ rapporti ta’ krudeltà. Hija xi ħaġa li verament tirrabjani għax aħjar ma nrabbi xejn milli jkollok annimali li taħqarhom.

Din is-sena saret ħidma sħiħa biex beda jintuża l-inċiniratur għall-annimali. Kif intlaqgħet din l-inizjattiva?

Li jkollna inċineratur f’Malta hija xi ħaġa importanti ħafna u grazzi għall-Island Sanctuary dan kien possibbli! Il-prezz huwa baxx ħafna għax fil-verità hija donazzjoni għall-istess santwarju tal-klieb. Importanti ngħidu li dan is-santwarju li jżomm fih numru kbir ta’ klieb li darba ġew mormija minn sidhom jiddependi mid-donazzjonijiet tagħna. Għalhekk inħeġġeġ lin-nies li fejn jistgħu jgħinu lil xi wieħed mis-santwarji tal-annimali f’pajjiżna. Diversi drabi wkoll qed ninnutaw li minflok souvenir tat-tieġ qed tingħata donazzjoni lil xi santwarju u għalija dan huwa ġest nobbli immens.

View this post on Instagram

A post shared by Moira Delia (@moira_delia) on

Ħafna huma dawk li għandhom il-pets f’darhom iżda wkoll tara ħafna annimali, speċjalment qtates, jiġġerrew fit-toroq. Bla dubju hija problema. Li nitimgħu l-qtates li hemm fit-triq hi biżżejjed biex nindirizzaw il-problema?

Hija problema kbira għal pajjiżna bħalissa. Il-kwantità ta’ qtates fit-toroq tagħna rduppjaw u mhux biżżejjed li nitimgħu biss. Hemm bżonn li ssir kampanja nazzjonali għat-tiswija tal-annimali. Ilni nsemmiha xhur sħaħ din il-problema. Waqt Animal Diaries u anke waqt il-laqgħat li jkolli fuq l-Animal Welfare Council kull darba nsemmiha. Jekk m’aħniex se neħduha bis-serjetà din il-problema u ma ssirx kampanja nazzjonali ta’ tiswija, il-qtates fit-toroq tagħna se jimmultiplikaw. Id-dipartiment tal-ħarsien tal-annimali għandu jagħmel kampanja nazzjonali ta’ tiswija tal-annimali imminenti nkella se jkollna problema oħra bħal dik tal-ħamiem.

Moira, apparti l-annimali, int ukoll omm. Xi jfisser għalik li tkun omm? U liema tibqa’ l-aktar memorja sabiħa li għandek?

Li tkun omm mhijiex xi ħaġa faċli avolja ma tantx għandi x’ingerger. Però meta t-tfal jikbru, isiru indipendenti u ta’ età żgħira ma jindunawx kemm aħna ninkwetaw għalihom! Jien u ngħid hekk niftakar kemm inkwetaw il-ġenituri tiegħi għalija.

Gianni qiegħed l-università u nammirah għax ilaħħaq ma’ kollox, saħansitra training ta’ kuljum u ħin mat-tfajla u sħabu. Però jifdal ftit ħin fil-ġurnata biex inkun nista’ narah u ngawdih. Għalija u anke għalih kull safra li nagħmlu flimkien tħallina b’memorji sbieħ immens għax bħalha familja nħobbu nsiefru ħafna: l-ikel, il-kulturi differenti u postijiet fil-kampanja huma affarijiet li nħobbu ħafna.

View this post on Instagram

A post shared by Moira Delia (@moira_delia) on

X’inhu l-futur tal-programm Animal Diaries?

Naħseb ma nkunx qed niżbalja jekk snin ilu jien kont bdejt inħambaq dwar il-kura tal-annimali. Dak iż-żmien kont ninkwieta li se ndejjaq lin-nies però grazzi għall-programmi kollha fejn iddiskutejt l-annimali u d-drittijiet tagħhom illum nista’ ngħid li Animal Diaries għandu pjattaforma fejn fl-iskeda ta’ TVM żamm postu bħalha l-programm għad-drittijiet tal-annimali.  Dejjem hemm x’nitgħallem u dment li nibqa’ f’saħħti se nkomplu nipproduċi dan il-programm u nxerred l-imħabba kbira li għandi għalihom. Nibqa’ ħajti kollha nipproteġihom. Għandhom bżonni u bżonn ta’ ħafna nies li jħobbuhom u jirrispettawhom. 

View this post on Instagram

A post shared by Moira Delia (@moira_delia) on

Kelma tal-aħħar b’rabta tal-annimali. Qed isir biżżejjed xogħol biex jitħarsu d-drittijiet tal-annimali? X’inhu l-pass li jmiss?

Nemmen li jista’ jsir ħafna aktar fir-rigward tal-annimali. Spiċċa ż-żmien u l-kultura antika li nżommu annimali fuq il-bejt u taraġ jew fil-gallarija. Spiċċa ż-żmien ukoll li nżommu kelb marbut u hija liġi li kelb ma jinżammx marbut. Hemm bżonn aktar infurzar speċjalment fuq min mhux kapaċi jżomm l-annimali f’postijiet adekwati. Inħoss li mhux qed jittieħdu bis-serjetà każijiet bħal dawn. Bniedem li jasal jaħqar annimal għandu jitteħidlu l-annimal immedjatament, jitressaq il-qorti u jiġu applikati l-liġijiet li għandna fuq min jaħqar l-annimali. Inklużi l-multi massimi. Hekk biss nitgħallmu nirrispettaw lill-annimali. 

Nemmen ukoll li annimali li jgħixu fis-salvaġġ m’għandna qatt naqfluhom ġo gaġġa għall-pjaċir u l-ksuħat tagħna biex nuru n-nies li għandna annimal eżotiku jew mhux tas-soltu. Jew aktar u aktar biex nuru kemm għandna flus. Dak egoiżmu kbir! L-annimal hu x’inhu mhux billi se nagħtuh x’jiekol u x’jixrob ifisser li huwa kuntent. Bniedem egoist biss jaf jirraġuna b’dan il-mod għax mingħalih jew jemmen li huwa tajjeb għall-bniedem huwa tajjeb ukoll għall-annimal.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @moira_delia


Frederick Zammit