Illejla l-finali tal-15-il edizzjoni tal-World Finals Sanremo Junior fit-teatru famuż Taljan tal-Ariston ġewwa Sanremo. Il-kantanta Għawdxija Maria Curmi se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna, fejn se tkun qed tikkompeti ma' 25 parteċipant ieħor.

Illejla Maria se tkun qed tintrepreta l-kanzunetta Skyfall mal-Orkestra Filarmonika ta' Sanremo li hi mmexxija mill-Mro. Mario Natale. Maria hi akkumpanjata minn Antonella Vassallo, li ilha tieħu ħsieb il-parteċipazzjoni tal-artisti Maltin tul dawn l-aħħar għaxar snin.

Il-ġenituri ta' Maria, Alan u Catherine wkoll telgħu jissapportjaw lil binthom. Maria Curmi rebħet l-aħħar edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior, rajnieha bħala solista fil-Malta Junior Eurovision Song Contest fl-2021 u rajnieha tieħu sehem ukoll fi dwett is-sena ta' wara.

Fost il-kantanti li kellhom l-unur li jirrappreżentaw lil Malta f'dan il-konkors insibu lil Gaia Cauchi, Haley Azzopardi, Christina Magrin, Miguel Bonello, Kaya u Giorgia Borg filwaqt li l-kantanti Destiny u Thea Aquilina rnexxielhom jirbħu l-finali ta' Sanremo Junior.

Il-finali tixxandar illejla fid-21:00, wieħed jista' jidħol HAWN biex isegwi lil Maria.


Emil Calleja Bayliss