Is-sit Times of Malta rrapporta kif il-film ġdid ta’ Jurassic World mistenni jibda jinħadem f’Malta dan is-sajf bl-attriċi Scarlett Johansson mistennija taħdem l-irwol ewlieni.

Ser ikunu qed jintużaw il-faċilitajiet kollha fil-Malta Film Studios ġewwa l-Kalkara u l-filma ser jinġibed bejn Lulju u Settembru, skont sorsi li kkomunikaw mas-sit Times of Malta.

Is-sit jirrapporta li parti lejn l-aħħar tal-filma il-ġdid ser tkun qed tinħadem f’Malta. Il-franchise ta’ Jurassic uriet l-ewwel film tagħha fl-1993, bil-blockbuster Jurassic Park, ibbażat fuq rumanz ta’ Michael Crichton u taħt id-direzzjoni ta’ Steven Spielberg.

It-tieni produzzjoni tnediet fl-1997, u l-franchise għamlet ir-ritorn tagħha fl-2001, 2015, 2018 u fl-2022. Il-film tal-2022, bl-isem Dominion, kellu l-attur ta’ Hollywood Chris Pratt u parti minnu nġibdet f’Malta wkoll.

Għadhom ftit li xejn ħarġu dettalji dwar il-film il-ġdid, bil-ġurnalisti ta’ Hollywood jgħidu li huwa mistenni li joħroġ f’Lulju 2025 u li Johansson mistenni jieħu rwol ewlieni fih.

Ħerqana għall-produzzjoni l-ġdida?!

Facebook/ Jurassic World


Kyle Zarb