Dar Betlehem fl-Uganda hija dar għall-persuni abbandunati. Hekk hu, persuni li m’għandhom lil ħadd u xejn; la familja u wisq anqas ħbieb! Imma għaliex abbandunati? Sfortunatament għax huma persuni b’diżabilità. Uħud mir-residenti ta’ din id-dar lanqas jistgħu jiċċaqalqu; dejjem wiċċhom ’il fuq fis-sodda. Imma minkejja dawn it-tbatijiet kollha, fid-dar ma ssib xejn ħlief ħafna ferħ u mħabba bla qies.

Bla dubju li dawn ir-residenti jħossuhom maħbubin u siguri għaliex kieku ma ssibhomx bi tbissima fuq wiċċhom. Jekk wieħed jaqbad jiżfen, l-oħrajn kollha jingħaqdu miegħu u f’kemm trodd salib joħolqu atmosfera ferrieħija. Angelo, wieħed mir-residenti adulti, m’għandux saħħa f’saqajh. B’hekk tista’ tgħid li għadda għomru kollha fl-art, bilqiegħa jew għarkopptejh u sabiex imur minn post għall-ieħor jitkaxkar.

Kien hawn li daħal għal Angelo Missio Malta u bil-fondi miġbura mill-maratona tas-sena l-oħra, irregala lir-raġel siġġu tar-roti. Kienu sħabu tad-dar stess li qabduh, tnejn minn idejh u tnejn minn saqajh u ġarrewh għal ħdejn is-siġġu tar-roti fost ħafna ċapċip u għajjat ta’ ferħ. L-emozzjoni ta’ ferħ fuq wiċċ Angelo, xħin sab ruħu bilqiegħda fuq s-siġġu tar-roti kienet waħda inspjegabbli. Grazzi għas-siġġu tar-roti, issa jista’ jdur mad-dar kollha b’aktar kumdità u daqshekk tkaxkar mal-art. Sar persuna aktar indipendenti. B’xorti ħażina hemm aktar residenti li għadhom bżonn siġġu tar-roti. Kun int li bid-donazzjoni tiegħek tferraħ persuna oħra.

Missio Malta jaċċerta ruħu li tfal u l-familji tagħhom f’sitwazzjonijiet simili t’hawn fuq, imxerrda mad-dinja kollha taslilhom l-għajnuna meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jirċievu edukazzjoni xierqa. Dan isir billi jintbagħtu flus lill-missjunarji sabiex jipprovdu tagħlim, ikel u mediċini lil dawn l-adulti u tfal. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel lil Missio fuq 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-paġna ta’ Facebook Missio Malta jew iżżur is-sit www.missio.org.mt Grazzi mill-qalb tad-donazzjonijiet tiegħek. #ilmissioint #hopemissiofest


Gwida.mt