Malta Public Transport ħabbret investiment sinifikanti ta’ €8 miljun fl-akkwist ta’ 30 karozza tal-linja ġdida biex ittejjeb l-affidabbiltà tas-servizz tat-trasport pubbliku, filwaqt li tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri li dejjem qed jikber fil-pajjiż.

B’din iż-żieda, il-flotta se tespandi għal 500 vettura, u b’hekk Malta tibqa’ fost il-pajjiżi ewlenin fl-Ewropa fejn tidħol l-aċċessibbiltà għat-trasport pubbliku.

Malta Public Transport irreġistrat żieda ta’ 19% fin-numru ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, bl-ammont ta’ 17.2 miljun passiġġier fl-2024.

In-numru ta’ persuni li għandhom Tallinja card personalizzata, u li jagħmlu użu mill-karozza tal-linja tal-inqas darba fl-ewwel kwart tal-2023 żdied ukoll bi 19%, minn 188,000 għal 224,000, meta mqabbel mal-ewwel kwart tal-2024 u dan juri li aktar residenti qed jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.

MPT 1

“Smajna lix-xufiera tagħna u lill-passiġġieri tagħna, li talbu għal aktar spazju fuq il-karozzi tal-linja, u l-investiment tagħna f’dawn it-30 karozza tal-linja ġodda juri biċ-ċar l-impenn tagħna biex inwettqu din il-wegħda,” qal Felipe Cosmen, iċ-Chairman ta’ Malta Public Transport.

Il-kumpanija tibqa’ impenjata li ttejjeb l-esperjenza tal-klijenti. Riċentement sar titjib fit-Tallinja App, li toffri tracking tal-karozzi tal-linja u aġġornamenti dwar is-servizz f’ħin reali.

Dawn l-aġġornamenti kienu milqugħa mill-passiġġieri, u kien hemm feedback pożittiv dwar dan is-servizz fuq it-Tallinja App.

It-30 karozza tal-linja ġodda, mgħammra b’teknoloġija diesel Euro 6 u kumditajiet bħal USB chargers u WiFi b’xejn, jagħtu prijorità lis-sigurtà u l-kumdità tal-passiġġieri.

Filwaqt li d-deċiżjoni li jsir investiment f’karozzi tal-linja diesel kienet marbuta mal-urġenza biex jitjieb is-servizz immedjatament, Malta Public Transport ser tkompli bl-impenn tagħha lejn is-sostenibbiltà.

"L-esperjenza tagħna b'karozzi tal-linja elettriċi kienet pożittiva, iżda wrietna li dawn jeħtieġu infrastruttura estensiva u proċessi twal ta’ manifattura, li jieħdu aktar żmien għall-implimentazzjoni," kompla Cosmen.

MPT 2

"Kien ikun inġust li nħallu l-passiġġieri tagħna jistennew għal aktar karozzi tal-linja elettriċi u għalhekk iddeċidejna li nżidu n-numru ta' karozzi tal-linja mill-ewwel, biex inkomplu ntejbu l-effiċjenza tan-netwerk tat-trasport pubbliku tagħna."

Filwaqt li Malta Public Transport topera waħda mill-akbar flotot ta' karozzi tal-linja elettriċi fin-Nofsinhar tal-Ewropa, hemm pjanijiet fis-seħħ mal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi biex jintroduċu wkoll 120 karozza tal-linja kompletament elettriċi b'emissjonijiet żero sa tmiem l-2025, appoġġjati mill-Fondi Ewropej ta' Reżiljenza u Rkupru.

Bl-appoġġ ta’ diversi stakeholders, fosthom il-gvern u l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, Malta Public Transport hija ddedikata biex isawwar il-futur tat-trasport pubbliku fil-pajjiż.

Permezz ta’ investiment kontinwu, sforzi ta’ sostenibbiltà, u aktar attenzjoni fuq is-sodisfazzjon tal-klijenti, il-kumpanija għandha l-għan li tipprovdi soluzzjoni tat-trasport għall-komunità li hu sigur, affidabbli u li jirrispetta l-ambjent.


Gwida.mt