Malta Public Transport qed tippjana li tipprovdi diversi għażliet ta’ trasport pubbliku għal dawk li se jattendu l-Festival tal-Logħob tan-Nar fit-30 t’April u l-attivitajiet li se jsiru fl-1 ta’ Mejju 2024.

Simili għas-sena l-oħra, Malta Public Transport se tkun qed toffri servizz speċjali għall-Festival tal-Logħob tan-Nar fil-lejl tat-Tlieta 30 t’April. Dawk li jattendu jistgħu jagħmlu użu mir-rotot speċjali li ġejjin:

Tluq mill-Belt Valletta Bay A2, A3, A4, A5, A6, A7, A8, A9, A10, u A11 se jkun disponibbli bejn wieħed u ieħor kull 25-30 minuta mill-11:30 pm sa 12:20 am. Barra minn hekk, ir-Rotta S13 se toffri tluq minn Valletta Bay A14 f’diversi ħinijiet mill-11:35 pm sa 12:25 am.

Ir-rotot normali ta’ bil-lejl se joperaw ukoll bħas-soltu.

L-Erbgħa 1 ta’ Mejju, il-kumpanija se żżid diversi rotot fosthom servizzi li jitilqu mill-Belt Valletta lejn destinazzjonijiet bħall-Isla, Buġibba, l-Għargħur, l-Għadira, l-Imtarfa, iż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, iż-Żurrieq, Birżebbuġa, iż-Żejtun, u Marsascala.

Dawn ir-rotot se joperaw bi tluq bejn wieħed u ieħor kull 30-60 minuta minn filgħodu sa filgħaxija.

Barra minn hekk, fl-istess jum (l-1 ta’ Mejju), se jiġu introdotti wkoll rotot addizzjonali kemm għar-Rotot 47 kif ukoll għal 202.

Ir-rotta 47, li titlaq mill-Belt Valletta sal-Mosta u viċi versa, se topera mill-11:00 am sal-5:30 pm bi frekwenza akbar ta’ kull 30 minuta. Bl-istess mod, is-servizz mill-Mosta sal-Belt se jibda minn 12:00 pm sas-7:30 pm bil-frekwenza tiżdied ukoll kull 30 minuta.

Għar-Rotot 202, li jgħaqqdu Tas-Sliema mar-Rabat permezz tal-Mosta, il-frekwenza se tiżdied għal kull 30 minuta bejn il-11:00 am u l-5:30 pm. Barra minn hekk, is-servizz mir-Rabat sa Tas-Sliema permezz tal-Mosta se jopera mill-11:30 am sas-7:00 pm bi frekwenza ta’ kull 30 minuta.

Għal aktar tagħrif dwar rotot u skedi speċifiċi, jekk jogħġbok żur www.publictransport.com.mt


Gwida.mt