Hekk kif bħalissa l-attenzjoni ta’ eluf ta’ Maltin tinsab fuq il-kantanta Għawdxija Sarah Bonnici li tinsab ġewwa l-Iżvezja tipprepara għas-semifinali tal-Ħamis, sabiħ li nsemmu aktar kantanti Għawdxin li rrappreżentawna fil-passat.

L-ewwel kantanta minn Għawdex li telgħet tirrappreżenta lil pajjiżna fuq dan il-palk tant popolari hija Miriam Christine Borg li rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision tal-1996 bil-kanzunetta In a Woman’s Heart.

Tnax-il sena wara naraw lill-kantanta Morena li rebħet il-Malta Song for Europe tal-2008 permezz tal-kanzunetta Vodka u rebħet id-dritt li tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision li dik is-sena kien sar ġewwa s-Serbja.

Ħdax-il sena wara naraw it-tielet Għawdxija tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision, Michela Pace permezz tal-kanzunetta Chameleon. Michela rebħet dan id-dritt wara li rebħet l-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta.

Ir-raba’ kantanta Għawdxija li rebħet id-dritt li tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision hija Sarah Bonnici li nhar il-Ħamis ser tkun qed tiftaħ it-tieni semifinali permezz tal-kanzunetta Loop.

Kantanta Għawdxija li ser tkun ma’ Sarah Bonnici bħala backing vocalist hija l-bravissima Pamela Bezzina. Iżda din mhix l-ewwel darba li Pamela ser tkun qed takkumpanja lill-kantanti Maltin fil-Eurovision bħala backing vocalist hekk kif rajniha wkoll fl-2010, fl-2011, fl-2016 u fl-2018. Tajjeb li wieħed ukoll isemmi li din il-kantanta pparteċipat fil-Malta Eurovision Song Contest diversi drabi bl-aktar prestazzjoni riċenti tkun dik tal-2014 permezz tal-kanzunetta Take Me.

Fost bosta aktar kantanti nsibu lil Francesca Sciberras li rrappreżentat lil pajjiżna fil-Junior Eurovision tal-2009 flimkien ma’ kantanta Għawdxija oħra Mikaela Bajada. Lil Francesca rajniha wkoll tipparteċipa fil-Eurovision Song Contest Malta f’żewġ okkażjonijiet differenti.

Rajna wkoll lil Denise tipparteċipa fil-Eurovision Song Contest Malta f’żewġ okkażżjonijiet differenti fejn spiċċat fil-ħames post fit-tnejn li huma. Fost aktar kantanti Għawdxin insibu żewġ kantanti bravissimi mix-Xagħra, Audrey Marie Bartolo u Francesca Borg li rajnihom jipparteċipaw fl-2010 u fl-2012. Fl-2013 rajna wkoll lil Melanie Zammit permezz tal-kanzunetta Loverdose. Rajna wkoll tipparteċipa f’diversi okkażjonijiet lil Deborah C, kantanta minn Għajnsielem, bl-aktar prestazzjoni riċenti tkun fl-2018 permezz tal-kanzunetta Turn It Up.

Għalkemm mhux mal-kantanti, rajna wkoll lil Michael Joe Cini miż-Żebbuġ Għawdex li kien parti mit-tim tal-mużika fl-aktar żewġ kanzunetti riċenti li Malta pparteċipat bihom, Dance (our own party) u Loop.

Persważ li ma’ dawn il-kantanti tant Bravi hemm oħrajn li lkoll kellhom l-opportunità li jkunu fuq il-palk tal-Malta Eurovision u forsi min jaf, għad naraw xi ħadd minn dawn l-Għawdxin jirrappreżenta lil Malta fis-snin li ġejjin!

 

 

Facebook/Sarah Bonnici


Charlton Cefai