Mario Micallef, l-attur maħbub li llum jitqies attur veteran b'tant u tant snin ta' esperjenza, jingħaqad ma' Melanie Kelly fuq is-sett ta' Kellymni. Fost il-ħafna esperjenzi li jaqsam magħna, Mario jitkellem dwar il-fatt li ġie bżonn il-hearing aids, hu jispjega x'ġara biex wassal għal dan.

Hu jitkellem fuq tliet episodji li kellu fuq il-palk, tliet episodji li żgur ma jinsa qatt. Dan minħabba li kellu esperjenza xejn pjaċevoli iżda bl-ikbar professjonalità ddeċieda li jkompli. Ir-rispett li għandu lejn l-udjenza hu kbir.

Hu jitkellem dwar il-mewta ta' ħuh l-għażiż meta kellu 56 sena, u kif il-mewta tiegħu waslet biex hu u tnejn minn ħutu spiċċaw jagħmlu operazzjoni serja tal-qalb wara li marru għall-vistà għand il-professur.

Mario jitkellem dwar il-biża' li kienet ħakmitu meta tfaċċat il-pandemija u donnu kienu qisu jaf dak li kien ġej għalih. Hu għamel ħmistax taħt kura intensiva meta spiċċa ħa l-virus meta l-vaċċin kien qed jingħata biss lil dawk li kellhom 'il fuq minn 80 sena.

Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta' Kellymni bi preżentazzjoni ta' Melanie Kelly, għada it-Tnejn 8 ta' April, mit-20:00 'l quddiem.


Emil Calleja Bayliss