Il-paġna tagħna ta' Gwida.mt kellha ċ-ċans li titkellem mal-kantanta rebbieħa tat-tielet staġun ta' Brillanti, Brillanti Musicals, Kristen Abela. Krsten baqgħet tibrilla sal-finali, fejn finalment il-ġurija għażlu lilha bħala l-brillanti f'dan l-istaġun.
Aħna tkellimna ma' Kristen dwar il-karriera tagħha u kif għenitha din l-esperjenza mużikali li żgur mhu ħa tinsa qatt.
X’kien li ħajrek tapplika għal Brillanti?
Jien ma kellix pjan li nidħol Brillanti. Kont ngħid ‘Jien mhux se jirnexxieli’. Imma bl-għajnuna ta’ familti u l-vocal coach tiegħi applikajt u imnalla!
X’kien l-iktar mument li ma tinsa qatt mill-bidu tal-vjaġġ?
L-iktar mument li ma ninsa qatt hu meta kont fuq il-palk inżomm id Clara. F’dak il-mument bdejt naħseb kemm jien furtunata li wasalt s’hawnhekk!
L-iktar kumment li rċevejt jew li rajt online li jfisser għalik.
Joseph kien qalli li jien ħdimt ħafna biex wasalt fejn wasalt. Qalli li kont il-‘black horse’ li ħadem ħafna biex laħaq lill-oħrajn. Dan il-kumment napprezzah għax inħoss li ħdimt ħafna fuqi nnifsi biex wasalt fejn wasalt f’din il-kompetizzjoni.
X’kienet l-akbar sfida tul din l-esperjenza?
Kullħadd kellu talent eċċezzjonali! Lejn l-aħħar tas-semifinali bżajt li l-avventura kienet se tieqaf hemm. Jien minn dejjem kont inbati bil-kunfidenza, u hawnhekk kien fejn bdejt niddubita lili innifsi ħafna.
Kif tħoss li għallmitek din l-esperjenza?
Din l-esperjenza għalmitni nafda iktar fija innifsi u ma naqtax qalbi daqshekk malajr. Għallmitni wkoll li għandi dejjem niprova nagħmel il-ħolm tiegħi realtà, għax ma tafx x’jista' jiġri.
Jekk il-Bambin irid ser ikun hemm staġun ieħor ta’ Brillanti s-sena d-dieħla - X’messaġġ ta’ kuraġġ u appoġġ tixtieq tgħaddi lil min tant jixtieq jieħu sehem f’spettaklu bħal dan, iżda joqgħod lura milli japplika?
Qatt taqtgħu qalbkom mill-ħolma tagħkom! Ma tafux x’jista' jiġri u tistgħu tkunu intom floki s-sena d-dieħla! Kuraġġ u nawguralkom!
Minn qalbna nirringrazzjaw lil Kristen tal-ħin tagħha titkellem magħna dwar din l-esperjenza kif ukoll nawgurawlha aktar suċċessi fil-karriera mużikali!
Facebook/ Kristen Abela