Mhux faċli li tisraq l-attenzjoni ta’ miljuni sħaħ b’sempliċiment kanzunetta waħda, mhux faċli tagħmel dan meta taf li għandek kulħadd iħares lejk speċjalment lil Simon Cowell! Kodi Lee għamel dan u ħafna aktar – il-ġuvni ta’ 22 sena seraq il-qlub ta’ bosta mill-mument li ħareġ fuq il-palk quddiem l-erba’ ġurija. Il-ġuvni hu għami u għandu wkoll il-kundizzjoni tal-awtiżmu iżda bis-sapport ta’ ommu u ħbieb tiegħu ddeċieda li japplika għal programm ta’ Simon Cowell America’s Got Talent!

Naħseb il-filmat t’hawn fuq jitkellem waħdu u kull tifħir huwa meritat lejn dan il-ġuvni li għalkemm għandu bosta ostakli f’ħajtu, hu premjat b’talent tant speċjali u mill-aqwa. Xi ħaġa li l-erba’ ġurija għarfu u proprju l-attriċi Amerikana Gabrielle Union li tinsab fuq il-panel tal-ġurija ta’ dan il-programm għarfet kemm dan il-mument hu speċjali. Tant hu hekk li Union iddeċidiet li tafgħas il-famuż golden buzzer għal dan il-kantant u pjanist.

Żgur li Kodi huwa ta’ spirazzjoni għal ħafna u ħafna nies oħra li b’xi mod jew ieħor ħa jaraw dan il-filmat u l-mument speċjali li saħħar id-dinja. Simon Cowell b’kunfidenza qallu li dan il-mument ma kien se jinsieh qatt! Kliem li jidwi fuq dak li ġara eżattament għaxar snin ilu fuq Britain’s Got Talent bil-kantanta Susan Boyle. Issa hu l-mument ta’ Kodi u kulħadd anzjuż biex ikompli jsegwi l-vjaġġ ta’ dan il-kantant f’din il-kompetizzjoni.

YouTube


Emil Calleja Bayliss