Ir-raba' edizzjoni ta' Mużika Mużika waslet fi tmiemha wkoll ix-xahar li għadda. Il-paġna tagħna ta' Gwida.mt tkellmet ma' artist li klassifika fit-tielet post fil-finali tas-Sibt. Ħadd ħlief Cliff Zammit Stevens, li tana l-kanzunetta Fil-Qrib, kliem ta' Joe Julian Farrugia u mużika ta' Philip Vella u Sean Vella.

Mużika Mużika – kif tiddeskrivi din l-esperjenza fi tliet frażijiet?

Esperjenza unika - professjonali immens - kien ta' unur. Unur li nintgħażel, nieħu sehem u nikseb it-tielet post.

Cliff Zammit Stevens 4

Ritratt: Facebook/ Mark Soler

Xi tgħidilna dwar il-kanzunetta Fil-Qrib u it-tim tiegħek ta’ wara l-kanzunetta?

Bħala lirika kont kellimt lil Joe Julian Farrugia u għidtlu li ma nixtieqx li din il-kanzunetta tkun fuq persuna speċifika, iżda ridt li jkollha messaġġ universali biex kulħadd jista' jirrelata magħha bil-mod tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar sfortunatament kulħadd jgħaddi minn żminijiet koroh u diffiċli, però nemmen li dejjem għandek dik il-persuna jew dik is-sitwazzjoni li lilek dejjem tagħtek dik l-isperanza biex tkompli u ttejjeb il-ħajja, u l-mumenti tajbin jerġgħu jiġuk żgur.

It-tim kien magħmul minni, Joe Julian Farrugia u Philip Vella, kif ukoll Sean Vella, li produċa u għamel il-mastering tal-mużika u tal-kanzunetta sħiħa. Kienet l-ewwel darba li qed naħdmu kollha flimkien. (Ma' Joe Julian kont ħdimt żmien twil ilu, kif ukoll ma' Philip). Kien hemm relazzjoni tajba ħafna, qbilna ħafna flimkien, ħloqna xi ħaġa fl-opinjoni tiegħi speċjali immens, u kuntenti ħafna li l-kanzunetta ntlaqgħet u sejra tajjeb ħafna.

Cliff, konna ilna ma narawk ġo festival lokali u probabbli din l-ewwel esperjenza tiegħek bħala solist ġo festival lokali. X’ħajrek li tieħu sehem u għad narawk f’xi festival ieħor?

Iva kont ilni ma nkun ġo festival. Niftakar ħadt sehem fil-Maltasong For Europe ma' Trilogy fl-2006, bil-kanzunetta This Heart of Mine. Imbagħad ħadt sehem ukoll f'xi festivals ma' Annabelle, konna nkantaw bħala dwett. Kont ilni kważi 15-il sena bħala karriera nkanta waħdi solist eċċ, iżda ġo festival naqra differenti għax għandek ħafna preparamenti, kull m'għandek dawk it-3 minuti li trid tagħti l-aħjar prestazzjoni li tista'. Kienet esperjenza verament sabiħa, ma ngħidx le għal xi festivals oħrajn, għax ma niċħadx li kienet esperjenza mill-isbaħ.

Cliff, fil-ġeneru tiegħek kellek diversi esperjenzi anke fuq il-palk. Hemm xi esperjenza li tibqa’ mnaqqxa għal għomrok?

Din diffiċli, għax ien inħoss li kull espejrenza kemm jekk kienet tajba u kemm jekk ħażina, dejjem nipprova nieħu t-tajjeb u l-ħażin minnha. Dejjem għandek x'titgħallem u fil-ħajja qatt ma tieqaf titgħallem. Għadni mmur lezzjonijiet tal-kant biex dejjem nitjieb kemm jista' jkun. Rimors m'għandix lanqas, ġifieri kuntent ħafna bl-esperjenzi kollha li għaddejt minnhom, bl-affarijiet kollha li għamilt jiena. Huma ffurmaw il-persuna li jiena llum. Tgħallimt ħafna, ħdimt u kantajt ma' nies li huma ta' suċċess kbir, għamilt kunċerti kbar ma' artisti ta' fama internazzjonali - grat għal dan kollu.

Cliff Zammit Stevens 5

Ritratt: Facebook/ Cliff Zammit Stevens 

Tħoss li l-istil tiegħek huwa apprezzat fil-gżejjer Maltin? Kif kien ir-rispons tul il-karriera tiegħek?

Iva, huwa apprezzat ħafna anzi. Per eżempju sħabi qatt ma kienu xi fans kbar tal-opra, però llum il-ġurnata jispiċċaw jew jaraw xi opra minn jeddhom jew jaraw xi filmati tal-opri fuq Youtube.  Naħseb l-isbaħ ħaġa hi li ħafna nies meta jiġu l-ewwel darba jaraw xi ħaġa hekk tal-opri, ma jkunux daqshekk konvinti, però mbagħad dejjem joħorġu minn hemm sodisfatti, għax ikunu ħadu gost. Hu sabiħ għalija li n-nies għadhom japprezzaw. Jien nemmen li l-mużika hi lingwaġġ universali fejn l-emozzjonijiet li tħoss ħa tolqot lil kulħadd. F'Mużika Mużika jiena kont mistieden fl-2022 waqt il-finali. Dak iż-żmien kont eċitat ħafna, għax bdejt ngħid jiena l-istil tiegħi huwa klassiku, hawn kantanti bravi ħafna bi stili diversi, u bdejt naħseb dwar kif ħa tintlaqat min-nies il-prestazzjoni teigħi. Madanakollu, in-nies tant ħadu gost, tant baqgħu isemmu dak il-mument, tant l-istil xeraq, u kien hemm din iċ-ċelebrazzjoni ta' ħafna stili ġejjin flimkien. Kont ħassejt li dan l-istil jista' jikber u jmur f'iktar postijiet bħal Mużika Mużika, u dik kienet li tatni l-kunfidenza li nieħu sehem. 

Għandna nistennew kanzunetti oħra oriġinali, possibilment bil-Malti mingħand Cliff?

Għalija din hi l-ewwel kanzunetta oriġinali li qatt kantajt bħala solist, u li nedejt. Bħala kanzunetta bil-Malti kont kantajt Xemx, kien unur kbir ħafna wkoll li Ira Losco kienet aċċettat li tkanta miegħi u ħriġna filmat mużikali wkoll. Jiena l-Malti nħobbu ħafna, vera kburi li jien Malti. Kull fejn inkun meta inkun barra dejjem insemmi lil Malta, dejjem inkanta wkoll bil-Malti. Niftakar il-kanzunetta Kebbies tal-Fanali, ta' Maestro Vella, waħda mill-isbaħ kanzunetti fl-opinjoni tiegħi u kont nipprova nkantaha f'kull kunċert li nagħmel, f'kull pajjiż. Il-Malti dejjem inħobb inġorru miegħi. Kanzunetti bil-Malti jien m'għandix però iva interessat ħafna li nkompli naħdem u nkompli noħloq kanzunetti bil-Malti għax huwa għalija l-isbaħ ilsien u għandu jkun iċċelebrat għaż-żmien ta' dejjem.

Cliff Zammit Stevens 3

Ritratt: Facebook/ Mark Soler

Messaġġ tiegħek għall-artisti li forsi jaqtgħu qalbhom jew joqogħdu lura milli jipparteċipaw u jsemmgħu leħinhom, minħabba xi diżappunt li kellhom, jew minħabba xi kummenti li rċevew.

Diżappunti dejjem ħa jkollok. Jien għad għandi diżappunti sal-ġurnata tal-lum. Madanakollu, nħoss li huma dawn id-diżappunti li jagħmluna aktar b'saħħitna, ġifieri jekk ma tgħaddix minn ċerti esperjenzi u minn ċerti diżappunti, inti mintix ħa tkun lest għall-ħajja u dak li se toffrilek. Il-ħajja mhix faċli. Kieku tajjeb kieku l-ħajja faċli u kollox ward u żahar! F'kwalunkwe esperjenza u f'kwalunkwe ħaġa li tagħmel, fil-ħajja, speċjalment fl-arti, għandek ħafna nies li ħa jgħidulek le. Hi suġġettiva ħafna l-ħaġa, lil min ħa togħġbu, u lil min le. Inħoss li inti għandek dejjem issib, anke jekk tkun persuna waħda li hi l-għalliema jew mentor tiegħek, xi ħadd li ħa tafda fih u taf li dak li jgħidulek huwa l-verità, għax jixtiequ l-aħjar għalik.

L-akbar kritiku huwa inti nnifsek, inti taf x'għandek tagħmel u le. Qalbkom m'għandkom taqtgħuha qatt, il-mużika u l-arti hi xi ħaġa speċjali immens, li forsi mhux ħafna nies ikollhom l-esperjenza li jesprimu ruħhom b'dan il-mod. Jien nemmen li jekk għandek ħolma trid twettaqha u ma jwaqqfek ħadd. Ngħid awguri lil kulħadd, hemm ħafna xogħol, mhux affarijiet li jsiru mil-lejl għan-nhar. Trid titfa' moħħok hemm u taħdem ħafna, u s-suċċess jiġi waħdu!

Grazzi tal-ħin tiegħek Cliff, Prosit ta' kollox, u minn qalbna nawgurawlek aktar suċċessi fil-karriera tiegħek!

Facebook/ Cliff Zammit Stevens


Kyle Zarb