Il-bieb u d-daħla prinċipali tal-belt kapitali tagħna ilhom jitbiddlu, jiżżarmaw u jittellgħu mill-ġdid għal kważi 5 sekli sħaħ, u dejjem b’xi mod jew ieħor kien jirnexxilha toħloq kontroversja. Għalkemm riċenti, issa aktarx kulħadd laħaq dara l-ħames verżjoni ta’ din id-daħla mfassla minn Renzo Piano, li fil-verita ilha inqas minn deċennju preżenti fostna. Tkun xi tkun l-opinjoni tagħkom dwarha, veru li din id-daħla differenti għalkollox minn ta’ qabilha – però kif setgħet dehret minn band’oħra, kieku xi pjanijiet oħra ġew fis-seħħ minflok?

Bieb

Facebook / Konrad Buhagiar

Għalkemm ix-xogħol fuq id-daħla tal-Belt il-ġdida kien beda fl-2011, l-arkitett tagħha kien ilu fil-kuntatt ma’ Malta tal-inqas mill-1985. Għalkemm il-pjanijiet li ssottometta fl-1988 oriġinarjament kienu ġew irrifjutati, il-ħsieb ewlieni tiegħu xorta minn dejjem hemm kien: li l-Belt Valletta ma teħtieġx bieb tradizzjonali hekk kif nafuh, iżda minflok, spazju aktar miftuħ. Barra minn hekk, il-pjanijiet tiegħu kienu aktar kunċettwali u urbanistiċi, li ma naqsux minn pjanijiet għal kif kellhom ikunu Teatru Rjal u Misraħ il-Ħelsien.

Bieb

Times of Malta

Min-naħa l-oħra, din it-tpenġija turi impressjoni differenti għalkollox tad-daħla tal-Belt minn kif nafuha llum. Fuq artiklu li deher miktub minn Angelo Xuereb fl-2008, ftit snin biss qabel ma twaqqa’ Bieb il-Belt antik favur il-ġdid, dan l-abbozz juri l-belt kapitali b’mogħdija li qisha tal-madum li tibqa’ għaddejja għal Triq ir-Repubblika, flimkien ma’ aktar siġar mal-ġenb. L-aktar element li jolqtok però, huwa żgur dik il-funtana u statwa f’tip ta’ pjazza fil-post fejn illum hemm il-Parlament; barra minn hekk, wieħed jinnota wkoll it-Teatru Rjal mibni mill-ġdid, lura għal kif kien qabel.

Times of Malta


Kurt Gabriel Meli