Gwida.mt tkellmet mal-awtur, direttur u attur lokali Desier Debono, il-moħħ wara s-sensiela TA' GERIT. Sensiela li aktar ma għadda żmien aktar kompliet issir sensiela maħbuba, mistennija u li tant ikunu qed jistennewha bi ħġarhom it-telespettaturi. 

TA’ GERIT kien suċċessun! Xi tgħidilna dwar il-fatt li din is-sensiela ntlaqgħet daqstant?

Inħossni kuntent bis-suċċess li kiseb TA' GERIT, kemm għalija u kemm għal kull min huwa involut. Inħoss ħafna responsabbilità lejn is-segwaċi tagħna. Jekk nieqaf għada minn dan ix-xogħol, ukoll ngħid li darba għamilt xi ħaġa li tibqa'. Is-suċċess huwa mertu ta' kulħadd, imma wara dak hemm ħafna xogħol, imħabba u għarfien.

TA

Ritratt: Facebook/ TA' GERIT 

X’taħseb li kienu l-fatturi li wasslu biex in-nies tħobb lil TA’ GERIT?

In-nies ħabbew tant din is-sensiela għax, tant hi reali li b'xi mod dak li jkun iħossu parti minnha. Ibbażata fuq veritajiet tal-ħajja u atturi naturali li jinżlu tajjeb mal-Maltin u l-Għawdxin.

X’kienu fost l-ispirazzjonijiet li kellek biex bdejt toħloq din l-istorja?

Lili jispirani kollox. L-inqas kumment, l-inqas ħolma. L-inqas oġġett, jew ħarsa. F'kull ħaġa madwarna nara storja li ma tidhirx. Xi darba lkoll kemm aħna għamilna xi 'waħda tinkiteb' kif jgħidu, u allura jien ktibt kull ħaga li naħseb li n-nies ta' madwari setgħu għexu, l-istejjer li nisma' u oħrajn li ngħixhom biss fl-illużjonijiet ta' moħħi. Jien u moħħi nitkellmu ħafna. Għandna relazzjoni speċjali. 

Il-karriera tiegħek fix-xena tad-drama televiżiva, kemm bħala awtur kif ukoll attur, meta bdiet? U x’tirrakkuntalna dwar il-vjaġġ twil li kellek sa issa?

Bdejt nikteb qabel bdejt nirreċta u kont noqgħod nilgħab taparsi qed nagħmel rehearsal ta' xi play li ktibt, mal-kuġini. U mbagħad, kont immur l-iskola tad-drama, naqra ħafna fuq kitba, scripts u teatru. Dejjem kelli mħabba kbira għal-lingwa Maltija, nistudjaha b'serjetà kbira u għandi passjoni enormi għal ilsienna. Wellidni b'attur Elio Lombardi meta tani parti f'wieħed mill-films tiegħu, kien għad kelli biss għaxar snin. U mbaghad, bdejt insib ruħi fuq diversi settijiet ta' sensiliet Maltin, mqar bħala attur fl-isfond. L-ewwel parti mitkellma f'teleserje kienet f'Deja Vu, fejn għamilt parti interessanti mal-ħabib tiegħi Xandru Grech. Ma' Eileen Montesin tgħallimt, u jiġri x'jiġri tibqa' waħda mill-aktar nies li jkolli stima lejha.

TA

Ritratt: Facebook/ TA' GERIT 

L-ewwel teleserje li ktibt u produċejt, għalija kien falliment. La kien popolari u lanqas kien ta' kwalità tajba. Imma naf x'jiġifieri tibda waħdek u mill-qiegħ. Komplejt naħdem ma' wieħed mill-istazzjonijiet privati u mbagħad, xogħli waqaf ħesrem. Kienu sentejn diffiċli ħafna. Kont naf li nista' nagħmel xi ħaġa li tibqa'. Wara ħafna pressjoni, stress u taqtigħ il-qalb, komplejna b'żewġ sensiliet oħra fuq NET television, u wara s-suċċess li kisbet is-sensiela Feliċi fuq NET, wellidt 'Ta' Gerit'. Irrid nammetti li r-rakkont żammejtu sempliċi ħafna hawnhekk. Kelli l-opportunità li naħdem mal-aqwa atturi f'pajjiżna u ta' dan nirringrazzja lil Alla. Dawk l-atturi li dejjem immaġinajt, verament sabu ruħhom jaħdmu l-partijiet. Insejt insemmi li kont għamilt perjodu nagħmel films qosra, ta' xi għaxar minuti l-wieħed u niftakar li l-ewwel attriċi li ċempilt kienet Vivienne Caruana u warajha Marvic Cordina, li għadhom jaħdmu miegħi sal-lum. Aktar minn għaxar snin. 

X’kien l-isbaħ kumment li rċevejt jew li qrajt fuq il-midja soċjali dwar TA’ GERIT?

Nirċievu ħafna kummenti. Mijiet. Qatt ma bsart li Ta' Gerit se jkollu daqshekk konkorrenza. Kellha tkun sensiela qasira ta' tlettax-il episodju, jiġifieri tliet xhur biss. Issa se nkunu qed nidħlu fit-tielet sena f'Jannar li ġej. Wiehed mill-isbaħ kummenti li nara, jew aktar fuq il-bord tal-messaġġi privati fil-paġna tagħna... Meta jgħidulna li qed ngħinuhom psikoloġikament. Riċenti, minħabba li l-karattru ta' Mitch, li b'kumbinazzjoni ninterpetah jien, iltaqa' mal-mamà tiegħu wara tant snin u għamlu paci, kien hemm min qalli li kellem lil ommu wara sentejn. Jekk kien qed jgħid il-verità, ma nistax inkun għal qalbi aktar minn hekk. Inħobb inħalli effett bla ma naħdem għalih bil-kitba tiegħi. 

Messaġġ għat-telespettaturi mingħandek bħala l-moħħ wara l-aktar drama popolari, TA’ GERIT.

Ibqghu segwuna ghax ghandna hafna li gej għalikom fit-tielet stagun Ta' Gerit. Jibda minn Jannar, imma se nzommukom maghna l-ħin kollu.

TA' GERIT/ TVMi


Kyle Zarb