L-avukat u l-preżentatur Joseph Chetcuti, jew aħjar kif inhu magħruf l-aktar, Joseph tal-vjolin ikellimna dwar il-bidu tal-karriera tiegħu bħala preżentatur, l-involviment tiegħu fil-Eurovision Young Dancers u l-Eurovision Young Musicians u kif ukoll dwar il-fatt li baqa’ assoċjat mal-vjolin fejn jistqarr li ma jiddejjaq xejn

Joseph, kemm tħoss li Arani Issa evolva matul is-snin?

Arani Issa huwa l-mimmi t’għajnejja, qisu t-tarbija tiegħi li wellidt u qed inrabbi b’għożża liema bħala. Matul is-snin kiber u evolva u nistgħu ngħidu li llum hu l-akbar programm fix-xena tat-televiżjoni lokali b’kuxjenza soċjali qawwija. Iżda proprju din is-sena Arani Issa għadda minn face-lift liema bħalu.

X'responsabilitajiet jorbot miegħu programm bħal Arani Issa?

Ir-responsabbilitajiet huma immensi. L-ewwelnett hemm piż finanzjarju qawwi ħafna, bla dubju hu wieħed mill-aktar programmi, jekk mhux l-aktar programm li jinvolvi spejjeż fil-produzzjoni. Apparti minn hekk il-programm jinvolvi tlett stejjer kbar kull ġimgħa fejn jiġu ippremjati nies li tassew jistħoqilhom, eroj siekta li jgħixu viċin tagħna mingħajr forsi ma nintebħu. Hu għalhekk li minn hawn jien ngħid grazzi mill-qalb lill-isponsors għeżież tiegħi, li kulma jmur, sena wara l-oħra, dejjem jiżdiedu. Grazzi mill-qalb lil kull wieħed u waħda minnkom tal-fiduċja li turu fija u fil-programm tiegħi.

X'inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik dan il-programm?

Meta jien inxandar il-programm inħossni qisni qed inwelled tarbija, ikolli eċitament kbir u emozzjoni liema bħala u dan għaliex meta nara l-elementi kollha tal-programm jingħaqdu u b’għaqal kbir jintisġu fi programm mill-isbaħ hemmhekk inħossni kburi li jien immexxi programm bħal Arani Issa, u aktar u aktar kburi li nwasslu lit-telespettaturi li kif dejjem ngħid, jistħoqqilhom biss l-aħjar u l-isbaħ!

Kif bdiet il-karriera tiegħek bħala preżentatur?

Minn dejjem kont noħlom li jien għad insir preżentatur. Niftakarni minn mindu kont żgħir, l-uniku mod kif ommi u missieri kienu jirnexxilhom jikkalmaw lil dan it-tifel imqareb u mqarqaċ hi meta jiftħuli t-televiżjoni u kont minn età żgħira ħafna nara u nsegwi bosta preżentaturi tat-televiżjoni Taljani. Biss, bdejt il-karriera televiżiva tiegħi bħala l-vjolinist ta’ Xarabank u wara sena u nofs kont ġejt avviċinat minn Net Television biex nippreżenta daily mal-brava Monica Attard.

Ftit xhur wara kienu offrewli biex nippreżenta l-Malta Eurovision Song Contest. Niftakar lil missieri jgħidli “Int miġnun, għadek tibda, m’għandekx l-esperjenza biex tmexxi l-aktar kompetizzjoni segwita fil-gżejjer tagħna!”. Iżda jien rasi iebsa u jekk għandi ħolma ma noqgħodx bi kwieti sakemm isseħħ. Dħalt għal dik l-isfida b’ruħi u b’ġismi u ħriġt tassew bl-unuri! Wara dak in-nhar ma ħarist qatt lura u bqajt kull sena, mingħajr waqfien, issa għal dawn l-aħħar għoxrin sena!

Tieħu ħsieb ukoll il-Eurovision Young Musicians. X'inhu r-rwol tiegħek eżattament f'dan il-festival?

Din hija fergħa tal-kontribut fix-xena tat-televiżjoni lokali li hi għal qalbi ħafna. Il-PBS fdali f’idejja l-organizazzjoni tal-Eurovision Young Dancers u l-Eurovision Young Musicians, rappreżentazzjonijiet li jseħħu b’ mod alternat sena wara l-oħra. Flimkien mad-diriġenti tal-PBS, norganizzaw l-għażla tar-rebbieħ/a ta’ dawn il-konkorsi, nippreżenta s-serata finali u nieħu ħsieb l-istess rebbieħ fil-kompetizzjoni, fil-pjattaforma Ewropea.

Magħruf man-nies ukoll bħala vjolinista. Ta' kemm etá u kif bdejt iddoqq il-vjolin?

Hekk hu, jien kont, għadni u nibqa' magħruf bħala Joseph tal-vjolin u xejn ma jiddispjaċini għaliex kburi ħafna bit-talent tiegħi u bl-assoċjazzjoni ma' strument li tista’ tgħid kien iċ-ċavetta li fetħitli l-bibien beraħ għal dak kollu li għandi llum. Bdejt ta’ età żgħira ħafna, ta' ħames snin, jiġifieri ili ndoqq il-vjolin ‘il fuq minn 40 sena u għadu l-mimmi t’ għajnejja sal-ġurnata tal-lum.

Fatt li forsi mhux magħruf ma' ħafna hu li int tewmi ma' oħtok Anne Marie. Kif tiddeskrivi r-relazzjoni ta' bejnietkom? Semmilna waħda mill-isbaħ memorji li għandkom tat-tfulija...

Iva għandi oħti tewmija li nħobbha daqs dawl għajnejja għalkemm niġġieldu mhux ftit. Hi esperjenza inkredibbli li tkun tewmi u jkollok rabta ma’ oħtok li ma tistax tiddeskriviha, rabta soda u qawwija li ebda għawġ u nkwiet ma jista’ qatt ikissirha. Inħobbha ħafna 'l oħti l-għażiża u nixtiqilha d-dinja kollha. Memorji tat-tfulija għandi kemm trid, waħda li nibqa’ niftakar hi dik meta ftehmna biex insakkru lil ommi barra, u rnexxilna tafux! Imma ma ngħidilkomx il-kastig li qlajna wara, imma l-pjaċir li kont ħadt nara ommi tinkwieta għax sakkarnieha barra ma nista' ninsieh qatt, ovvjament ta’ tfal li konna!

Il-professjoni tiegħek ta' avukat ġiet affetwata mix-xogħol tiegħek fuq il-midja?

Il-professjoni ma nħossx li ġiet affetwata, jew jekk forsi ġiet, verament mill-inqas. Jien nagħmel kollox b’dedikazzjoni kbira u kulma nagħmel nagħti ħilti kollha kemm f’qasam u kemm f’ieħor. Jien naqra ta’ perfezzjonist f’kulma nagħmel u dak kollu li jiġi għal idejja rrid nagħmlu minn qalbi u b’dedikazzjoni kbira, dik hi r-riċetta tas-suċċess f’kull ma nagħmlu fil-ħajja!

Fl-opinjoni tiegħek, liema hu l-isbaħ ġest li persuna tista’ tagħmel lil ħaddieħor?

Bla dubju meta tpoġġi lill-persuna l-oħra qabel l-interessi tiegħek. Hemm tkun taf kemm verament tħobb persuna, meta tiċċaħħad int biex tara lil ħaddieħor ferħan u jimxi 'l quddiem. Men for Others kienu jgħiduli l-Ġiżwiti l-iskola u l-eżempju ta’ ommi u missieri tani baħar ta’ valuri li jien nibqa’ nħaddan sakemm nibqa' fuq wiċċ din id-dinja.

Tqis lilek innifsek bħala persuna spiritwali?

Iva ħafna. Jien immur quddiesa kuljum, nipprova ma nitlifha qatt. Ngħid grazzi lill-Mulej ta’ dak kollu li tani, tas-suċċessi tiegħi, tas-saħħa tieghi u ta’ familti u nitlob dejjem biex inkun kuntent u ferħan b’dak li għandi, u ngħidilkom illi nibda l-ġurnata bi grinta kbira u b’ entużjażmu liema bħalu.

Hemm xi ħolma li tixtieq twettaq fil-futur qarib?

Jien bħal tifel żgħir u mqareb, għajnejja dejjem iżebbġu u dejjem naħseb x’nista' nagħmel b’ħajti. Iva jien noħlom ħafna, għax min ma joħlomx ma jgħix. Għandi ħolma ta’ produzzjoni televiżiva li qed tinħema bil-mod il-mod, ħolma li ma nixtieqx niżvela iżda li tfisser ħafna għalija u meta sseħħ żgur li nkun qed intir bil-ferħ!

Facebook / Joseph Chectcuti


Roberta Magri