Ma stajniex nitkellmu ma' Joseph Armani u wkoll ma' Denzel mingħajr ma nsaqsu lil Joseph dwar Denzel u x'kienet tfisser għalih din l-esperjenza ġdida fil-ħajja tiegħu. Hu jistqarr magħna xi ħaġa li ħa taħsad lil ħafna nies, imma għandu pjan interessanti ferm. 

X'ħassejt meta rajt lil Denzel l-ewwel darba?

Kont ser intir bil-ferħ x’ħin żammejtu f’idejja lil Denzel. Lil mara għedtilha biex issemmih li trid basta jkollu l-inizjali ta’ DJ f’ismu. Filfatt hu jismu Denzel Jo li fil-qasir hu DJ. Denzel sa minn ċkunitu kien ittimbrat biex ikun DJ.

Ta’ ftit snin kont tellgħajtu miegħi u ried jagħmel bħali. Kien għadu żgħir u kulħadd iggustah imiss id-diska taparsi qed jim-mix-ja. Ta’ 6 snin, Denzel kien diġà ffissat fuq Tomorrowland u minn dakinhar ma titilfx edizzjoni waħda. Trid tarah ta’ 6 snin niġġieldu miegħu biex imur jorqod. Kien raħ mill-bidu sal-aħħar! Tifel ta’ 6 snin mhux normali jkunu jogħġbuh dawn l-affarijiet.

Ritratt: Clint Gerald Attard

Denzel qed iddoqq issa! Xi tħoss meta tarah?

L-ewwel darba li daqq ġo attività tal-massa kien f’Jum il-Ħaddiem. Jien kont eċitat immens, kelli msarni ġo saqqajja. Però hu qallli ‘Pa tħabbilx rasek, jien kapaċi’, mar fuq il-palk u kien suċċess. Beda jdoqq u n-nies vera bdew jieħdu pjaċir. Dak il-ħin it-tferfir telaqli u nfexxejt nibki bil-ferħ! Bdejt nara lili żgħir.

U lil Denzel għallimtu jdoqq int?

Kont ilni narah li interessat u darba ħadtu miegħi biex jiġi f’waħda mil-lezzjonijiet. Għallimt ħafna studenti imma fih rajt potenzjal enormi. Bdejt ngħallmu u qabad mill-ewwel qisha kienet ġo fih. Denzel tgħallem idoqq bic-CDJs kif suppost u mhux bil-kompjuter jew xi software li jagħmillek kollox waħdu u din tagħmel differenza. Hawn ħafna li jaħsbu li huma DJs imma kull ma jkunu jafu hu li jużaw software.

Ritratt: Clint Gerald Attard

Imma għid il-verità, int ġennintu biex jibda?

Ejja ngħidu li tfajt il-karti kollha fuq il-mejda imma qatt ma ġennintu, kienet deċiżjoni tiegħu. Jien wegħdtu li ser nagħmel minn kollox biex ngħinu jkompli jikber. Għandek tkun taf li t-tifel iż-żgħir tiegħi l-ieħor jidher li ser jkompli fuq il-linja tagħna wkoll. Għadu għandu 4 snin, il-ħin kollu jisma’ d-diski b’mod speċjali tad-DJ popolari Steve Aoki! Niggustah.

2 rekords mondjali fuq stage wieħed! X’inhuma?

Dan is-sajf ma’ Denzel irnexxieli nikser 2 rekords mondjali iva! Lil Denzel stidnuh biex jiġi jdoqq miegħi f’Unite with Tomorrowland. Kienet esperjenza li ma ninsa qatt. Bdejna nippreparaw minn ġimgħa qabel, nagħżlu d-diski flimkien, nifthemu u kkolaborajna ħafna.

Jien qgħadt għall-kriterju tiegħu għax aħna għandna stilli differenti. Meta daqqejna flimkien ħassejtni kburi wisq! Konna għamilna xi ħaġa li ħadd ma għamel bħala. Minn riċerka li għamilna flimkien fuq onlajn sibna li f’Tomorrowland qatt ma kien hemm missier u iben iddoqqu flimkien. Lanqas qatt kien hemm tifel ta’ 12-il sena jdoqq quddiem dik il-massa ta’ nies.

Ritratt: Clint Gerald Attard

Għandek xi proġetti ġodda?

Dalwaqt ser nibda naħdem fuq album ġdid tiegħi u dan mistenni jkun l-aħħar album tiegħi. Ser inkun qed intemm il-karriera ta’ DJ wara 25 sena ndoqq. Il-proġett tiegħi mil-lum 'il quddiem ser ikun Denzel. Ser naħdem għalih u ser ngħallmu kif jista jimpruvja l-kapaċitajiet tiegħu bħala DJ u jirnexxi iżjed milli irnexxejt jien.

Ritratt: Clint Gerald Attard


Anthony Baldacchino