Ta' min xi kultant niftakru waħda fiż-żmien li m'għadx għandna, kemm biex inqanqlu xi memorji ħelwin, u kemm forsi biex niftakru kemm qed nixjieħu malajr! Allura għandna mistoqsija għalik - taħseb li tista' taqta' fejn jiġu dawn il-postijiet illum il-ġurnata?

m

Facebook / Bernice Henwood

L-ewwel ritratt jitfagħna lura mhux ħażin fil-passat – jiġifieri qed ngħidu madwar l-1902! Ittieħed ġewwa l-Belt Valletta, speċifikament fl-inħawi ta’ Triq L-Arċisqof. Wisq hemm x’tinnota f’dan ir-ritratt, mill-avviż ta’ Verdi fuq il-kantuniera, l-ilbiesi u l-kpiepel kollha, u saħansitra dak li aktarx jidher qisu għonnella fuq it-tifla tal-lemin.

Malta

Facebook / Carmelo Mizzi

Mur sibu ż-Zara dak iż-żmien! Dan ir-ritratt jurina Triq Ix-Xatt ġewwa Tas-Sliema, viċin il-post fejn il-ferry kienet (u għadha) tasal u titlaq. Ta’ min jinnota wkoll il-karozza ta-linja l-ħadra tan-numru 62, meta x-xarabank kien għadu jiġi miżbugħ skont il-lokalità li jservi. U biċ-ċajt iċ-ċajt, xorta kont issib folla nies sħiħa tistenna fuq il-bankina!

Malta

Facebook / Santa Liena u Birkirkara

Għalkemm huwa sempliċi, dan ir-ritratt jaf ikun l-aktar wieħed interessanti minn dawn it-tlieta kollha. Dan ir-ritratt, li ġej mill-arkivji ta’ Santa Liena, jixhed l-inħawi ta’ Triq il-Wied ġewwa Birkirkara: biex inkunu preċiżi, hawnhekk fejn illum il-ġurnata jinstab il-McDonald’s. Lanqas karozza waħda ma kont tisma’ – imma xi żiemel forsi iva!

Irnexxielek tagħrafhom dawn l-irħula?


Kurt Gabriel Meli