L-Eżamijiet; kelma li minnha nfisha ttik qatgħa. Imma stenna...ħu nifs twil u għid: Jien Kapaċi! Tajjeb li nitgħallmu nikkalmaw ftit u ma noħolqux tensjoni b'idejna. Kultant, mingħajr ma nirrealizzaw, inġibu l-istress fuqna.

Huwa minnu li mhux kulħadd iħares lejn l-eżamijiet l-istess; hemm min irid jistudja ħafna biex jiftakar u hemm min kemm idur ftit in-noti fuq fuq. Iżda importanti li nibdew billi ma nqabblux lilna nfusna ma' sħabna. Ħadd mhu l-istess. Ippjana għalik innifsek u qassam il-ħin. Tajjeb ukoll li waqt l-istudju, taħseb għal ftit ħin ta' mistrieħ ukoll.

Xi passiġġata, xi film, jew xi kafè mal-ħbieb jgħinuk żgur. Xi daħqa tgħinek tiżvoga. Billi ġejjin l-eżamijiet, ma jfissirx li għandek tinqafel ġewwa. Jekk tippjana ftit, issib ħin għal kollox. Imbagħad ngħiduha kif inhi, kollox jgħaddi u ż-żmien qed igerbeb.Għadna nibdew is-sena l-ġdida u diġà ngħoddu 22 mix-xahar ta' Jannar.Jiġifieri ftit sforz u nsibu ruħna qed niċċelebraw il-karnival.

Forsi xi ftit mużika rilassanti tgħin... Ara ma torqdux imma!

Ftit eżerċizzju jagħmel tajjeb ukoll, l-ikel bnin u xi gidma ċikkulata ma tagħmilx ħażin f'dan iż-żmien. Ejja kuraġġ! Awguri lilkom kollha li qed tagħmlu l-eżamijiet. Emmnu fikom nfuskom!

Ritratt: Instagram/ theunibox


Clifford Galea