Ħafna bdew jistaqsu x'ġara mill-proġett Dwett tal-kantanti Cherylis u Mikhail. Din is-sena l-kantanti ma dehru fl-ebda konkors flimkien, rajna lil Cherylis tikkompeti b'suċċess fl-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Tfewwaħ fejn kisbet it-tieni post, imbagħad rajna kemm lil Cherylis u kemm lil Mikhail jinterpretaw kanzunetta bħala solisti fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza.

Il-mistoqsija ta' dawk li jsegwu x-xena lokali bdiet tiġi weħidha... x'ġara minn Dwett? Iġġieldu? Għala m'għandhomx ikantaw flimkien? Aħna ta' Gwida.mt ħadna l-opportunità nitkellmu maż-żewġ kantanti biex naraw eżatt x'inhu għaddej. Jekk hux ħa nerġgħu narawhom flimkien u x'kienet ir-raġuni wara din il-waqfa.

Cherylis tgħidilna "Il-proġett Dwett qatt ma waqqafnieh. Kien hemm qbil bejnietna li f’kull festival li aħna nissottomettu l-kanzunetti oriġinali, jinxteħtu kanzunetti kemm bħala Dwett kif ukoll bħala solisti. Din is-sena inzertaw għaddew kanzunetti bħala solisti biss però ma jfissirx li waqafna hawn, anzi komplejna nsaħħu l-ħbiberija tagħna u għamilna aktar kuraġġ ‘il xulxin biex naħdmu aktar bis-saħħa."

Mikhail immur lura fis-snin u jgħidilna: "Niftakar li mill-ewwel ġurnata li ltqajna’ lura fl-2015 bdejna naħdmu bi sħiħ. Dan kien proġett li kont u għadni nemmen fih b’qalbi kollha. Jekk nistinkaw it-tnejn li aħna, l-oġġettivi tagħna nilħquhom."

Il-kantant esprima magħna kemm jinsab grat għas-sena 2018, "bħala Dwett ħadna sehem fil-kompetizzjonijiet ewlenin f’pajjiżna, b’parteċipazzjoni fil-Malta Eurovision Song Contest, fl-Għanja tal-Poplu, u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Għalkemm għandna opinjonijiet differenti minn xulxin, dejjem naslu għal xi tip ta’ ftehim u kollaborazzjoni. Nemmen li t-tnejn naħdmu b’qalba."

Meta staqsejniehom kif ħassewhom jikkompetu kontra xulxin, Cherylis qaltilna: "F’kwalunwke sitwazzjoni, aħna ssaportjajna 'l xulxin kemm b’messaġġi u telefonati. Infatti kif qalu ħafna mill-parteċipanti fil-Konkors kanzunetta Indipendenza, spiċċajna ilbisna l-istess skala ta’ kuluri mingħajr anqas biss tkellimna fuq l-ilbies avolja konna qed inkantaw bħala solisti!"

Mikhail qalilna: "Fis-sena 2019, għaddejt fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza bħala solist, u fl-Għanja tal-Poplu, għalkemm ma ssottomettejtx għalih bħala solist kont qiegħed nagħti s-sapport tiegħi lil Cherylis. Il-ħbiberija tagħha hija importanti u kompetizzjoni mhux ħa taffetwana, lesti biex nerġgħu lura fuq il-palk, flimkien."

Cherylis itemm tgħid: "Ma nistax ngħid li ma ħassejtx in-nuqqas tiegħu fuq il-palk iżda kienet esperjenza sabiħa xorta waħda !! Nassigurakhom li ma ddumux ma tarawna flimkien fuq il-palk, bħala Dwett."

Minn tliet festivals flimkien, Cherylis spiċċat għamlet tnejn bħala solista, u s-suċċess li s-sena l-oħra qasmet ma' Mikhail fl-Għanja tal-Poplu, din id-darba għexitu bħala solista u Mikhail kien minn tal-ewwel li feraħ lil Cherylis ta' dan is-suċċess.

Meta mistoqsija dwar dak li qed iħejju, ma tantx setgħu jgħidulna wisq għalissa! Qalulna biss: "Bħalissa qed niddiskutu minn tal-anqas tliet proġetti mat-tim tagħna, u l-ħidma ġa bdiet titwettaq. Dwett huwa proġett għal qalbna ħafna u nemmnu li dak li hemm bejnietna huwa speċjali ħafna."

Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Cherylis u Mikhail kemm fil-karriera ta' solisti, kif ukoll fil-karriera tagħhom bħala Dwett fejn l-ilħna tagħhom żgur li jpaxxu ħafna u ħafna nies.

Clint Gerard Attard - Facebook / Dwett


Emil Calleja Bayliss