Tkellmet ma' Gwida.mt f'intervista għall-ewwel Trihanna Wilde, li l-moħħ warajha huwa ż-żagħżugħ artistiku Tristan Zammit. Ħafna jafu lil Tristan bħala Trihanna Wilde, isem tal-personalità li ħoloq hu stess u li biha jagħti diversi wirjiet spettakolari. Trihanna rebħet diversi konkorsi tad-drag, fosthom l-ewwel wieħed li qatt sar f'pajjiżna lura fl-2018.
Tristan ikellimna dwar dan u aktar, kif ukoll kif tħares lejn is-sena l-ġdida.
X’ispirak tidħol fid-dinja tad-drag, u kif tiddeskrivi l-personalità ta’ Trihanna Wilde?
Ta' età tenera jien minn dejjem kont nieħu sehem fil-pantomimi tal-iskola, allura kont immiss ma' affarijiet tat-teatru tista' tgħid, bħal parrokki, irtokk, u ħafna affarijiet assoċjati mat-teatru. Hemm bdejt niffjorixxi t-talenti tiegħi fl-irtokk u fil-parrokki, imbagħad sħabi qaluli dwar il-kultura tad-drag, RuPaul's Drag Race, li huwa serje. Hemm iddeċidejt li nidħol f'dan is-serje, nara lil dawn l-irġiel lebsin ta' nisa għal bażi ta' kompetizzjoni. Minn hemm bdejt ninteressa ruħi, u għidt din hi xi ħaġa li nixtieq nibda nagħmel.
Trihana llum il-ġurnata niddeskriviha bħala karattru b'saħħtu immens, li qiegħed hemm biex jagħti gost lin-nies b'diversi talenti li għandi jiena bħala Tristan amalgamati flimkien; ġifieri permezz tal-midja, kontenut online li noħloq jiena mill-bidu sal-aħħar. Filli tara lil Trihanna bil-body suit tiżfen, u filli tara lil Trihanna b'libsa twila, ġifieri dehriet differenti li turi kemm hi versatili. Anke fl-industrija tal-mużika, qed nipprova naħdem iktar fuqha, u kontenut inġenerali.
X’kien l-aktar mument memorabbli tiegħek fuq il-palk bħala drag queen?
Għandi tlieta, ma nistax nagħżel wieħed. L-ewwel meta rbaħt l-ewwel kompetizzjoni ta' drag li qatt saret Malta fl-2018 u kont ġejt l-ewwel f'dik il-kompetizzjoni. Sentiment ta' kuntentizza enormi, għax kont tifel dejjem magħluq fil-kamra niżfen, u fl-aħħar sibt din l-opportunità fejn ħloqt lil Trihanna, ħriġt hemm barra, u n-nies apprezzaw dik il-prestazzjoni li tajt dak il-ħin. Allura dak is-sens ta' ewforja li kelli dak il-ħin, dak l-eċitament li rbaħt l-ewwel kompetizzjoni kienet il-quċċata tiegħi tista' tgħid.
It-tieni waħda kienet meta rbaħt is-sena ta' wara fl-2019, il-kompetizzjoni ta' Ħadd Għalik, fejn hemm ġejt espost aktar fil-programm, u t-tielet waħda tkun żgur mhux forsi l-Malta's Got Talent. Tajt prestazzjoni li qatt ħadd ma ra bħalha. Drag Queen tiddendel mas-saqaf b'libsa enormi, u vera ħadt gost nagħmlu dak l-ispettaklu, u r-rispons tan-nies kien impekkabbli.
Kif taħseb li nbidlet il-perċezzjoni tan-nies f'Malta lejn id-drag matul is-snin, u x’taħseb li għad fadal isir biex din l-arti tiġi apprezzata aktar?
Dan hu topic kontriversjali, mhux ħa ngħid li ma nbidlitx kif in-nies jaraw id-drag illum il-ġurnata, però għad fadlilna ħafna, ħafna fuq xix naħdmu. Sfortunatament ħafna sterjotipi jibqgħu iżommu din it-tip ta' arti lura, għaliex in-nies iħobbu jħalltu din l-arti mar-reliġjon; li qed tmur kontra l-kelma t'Alla, li m'intix tkun raġel biżżejjed peress li qed titfa' l-irtokk fuq wiċċek,. Dawn huma kollha punti mingħajr valur u mingħajr sens. Din kull mhi forma ta' arti biex nagħtu gost lin-nies.
Fadal aktar edukazzjoni nemmen, u edukazzjoni dettaljata fuq x'jiġri meta xi ħadd ikun drag. Fis-sens x'jagħmel persuna drag? Jien għalija m'intix drag queen jekk għall-inqas ma tmissx mal-ħjata, mal-irtokk, jew max-xagħar. Sfortunatament jeżistu persuni mhux lokalment, mhux ser nattakka t-talent lokali, anke globali, fejn jippruvaw ikunu drag queens, imma qatt ma jmissu mal-affarijiet essenzjali. Ma jkunux jafu l-basics. Allura naħseb in-nies li jifhmu x'jiġri minn wara l-kwint, bħal drag queen tħit il-kostum tagħha, drag queen tagħmel il-parrokki tagħha, drag queen tpitter wiċċha. Kelli ħafna kumment jgħiduli, 'imma inti l-irtokk inti stess tagħmlu?' Ġifieri naħseb li fadal ħafna edukazzjoni fuq dak il-punt.
Meta n-nies jiġu biex jattakkaw l-arti, sempliċiment meta noħroġ xi ritratt jew hekk, ikun hemm dawk il-kummenti, 'eh, dan talent?' Iva huwa talent, għax jiena għamilt ix-xagħar, jien għamilt il-kostum, jien għamilt l-irtokk.
Dawn in-nies nemmen li jekk ma jifilħux japprezzaw l-ammont ta' arti li qed inpoġġi f'Trihanna, messhom qas joħorġu jagħmlu xagħarhom, iġibu lil xi ħadd biex jagħmlilhom l-irtokk għat-tieġ. Ma nemminx li jistħoqqilhom jieħdu dak is-servizz jekk ma japprezzawx dak li tagħmel drag queen.
Hemm xi tradizzjonijiet relatati mal-ewwel tas-sena li ssegwi ta’ kull sena?
Mhux eżatt, imma nara li fil-bidu ta' kull sena, nara l-impatt li għamilt u l-kotenut li ħloqt fis-sena ta' qabel, biex dejjem nagħmel aħjar u nagħmel iktar, u nara fejn nista' nagħmel progress bħala artist, kemm fuq il-palk, kemm fuq il-midja soċjali, kemm fid-dehriet tiegħi, f'kollox. Naħseb dik l-iktar ħaġa li nara, li meta nħares lura nara li dejjem navvanza u nagħmel aħjar mis-sena ta' qabel.
Temmen fir-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena? Jekk iva, hemm xi riżoluzzjoni li beħsiebek tagħmel għall-2025?
Nemmen bihom, li jekk inti taħdem biżżejjed u tpoġġi moħħok hemm, jirnexxielek. Jekk vera tkun trid xi ħaġa li ssir. Personalment għall-2025 nixtieq li nesperjenza li nagħti prestazzjoni barra minn Malta, u naħdem iżjed fuq mużika. Iktar kostumi ovvjament, u naħdem iktar ma' nies barra minn xtutna. Naħseb dik hi l-ikbar prioritá tiegħi għall-2025, biex naħdem ma' talent barra minn Malta biex inkabbar lil Trihanna, u ma nibqax biss lokali. Sfortunatament tant kemm aħna żgħar li naħseb Trihanna waslet fil-quċċata hawn Malta - kienet f'Malta's Got Talent, ħarġet diska bil-Malti. Infatti ma nimmaġinanix noħroġ diska oħra bil-Malti, għax nixtieq li nesponi lil Trihanna lil hinn mill-ispetru Malti.
Nirringrazzjaw lil Tristan tal-ħin tiegħu biex ikellimna dwar il-karriera tiegħu u ħsibijiet dwar l-ewwel tas-sena. Awguri għal sena 2025 mimlija saħħa, hena u ħafna aktar suċċessi Tristan!