Simone DeBattista żgur li tibqa’ magħrufa mat-telespettaturi għall-irwoli tagħha f’diversi sensiliet tat-televiżjoni fosthom: Dejjem Tiegħek Becky, Santa Monika, Tereża, Pupu, Kristu Tal-Kerrejja u F’Salib It-toroq. Ftit jiem biss qabel żmien il-Milied, iddeċidejt li nintervista lil din l-attriċi simpatika, sabiex niskopri daqsxejn l-impenji ta’ ħajjitha matul żmien il-festi.

1. Jogħġbok żmien il-Milied? Jew tippreferi xi festa partikolari oħra?
Jiena bniedma li f’dawn iz-zminijiet infittex aktar is-sinifikat tal-festa milli l-festa bħala Milied. Il-Milied inħobbu l-iktar mal-familja, immur il-quddies ta’ nofsillejl jew il-purcissjoni tal-Bambin u ngħin lil min hu fil-bżonn. Madanakollu m’iniex fanatika kbira tal-Milied għaliex inhoss li sar wisq materjali. Nippreferi l-Għid il-Kbir għax fih il-ġabra u nħossni nidħol iktar fl-atmosfera reliġjuza. Niddejjaq nisma’ jew nara l-Kelma “Xmas” flok Milied għax ifisser li m’għadniex nifhmu x’inhu s-sinifikat tat-twelid ta’ Ġesù sidna.
2. Għandkom xi tradizzjoni li tagħmluha ta’ kull sena f’dan iż-żmien?
It-tradizzjoni tagħna hi li ningħaqdu bħala familja lejliet il-Milied u nqassmu r-rigali lil xulxin b’xi treasure hunt bejnietna sakemm insibu r-rigal. Wara, nieklu xi ħaġa u mmorru l-quddies ta’ nofsillejl. Meta kellna t-tfal żgħar konna mmorru l-purcissjoni tal-Bambin qabel l-ikel u r-rigali. Nhar il-Milied niltaqgħu għand ommi u nagħmlu ikla flimkien fejn kulħadd iġib xi ħaġa tal-ikel (biex ma jbati ħadd!) Inkunu ħerqanin għaliha, mhux għax ma niltaqgħux matul is-sena, imma għax dik il-ġurnata ġġibilna iktar ferħ u għaqda bejnietna.

3. Kif issib bilanċ bejn l-impenji tal-karriera tiegħek u l-ħin għall-familja, speċjalment fix-xhur li ġejjin?
Qabel, bħal dan ż-żmien konna nieħdu sehem fil-pantomima u għalhekk ftit kien ikollna ċans mal-familja. Wara li kellna t-tfal ħassejna li għandna ngawdu t-tfal u l-familja għax il-ħajja hija qasira u nippruvaw ingawdu dan iż-żmien kemm nistgħu. Illum daħal xogħol ieħor tal-karriera, imma nipprova kemm nista’. Minkejja l-impenn tax-xogħol u l-istudju (li joħodlok ħafna ħin), nippruvaw insibu bilanċ u nhar ta’ Ħadd u specjalment fix-xhur li ġejjin inqattgħuh iktar mal-familja, billi nsajru u naraw xi film flimkien. Affarijiet sempliċi, iżda ngħożżuhom ħafna.
4. Għandek xi proġetti għal dan iż-żmien jew anki għall-futur?
Iva, ghandi diversi proġetti. Hemm minnhom li qed naħdem fuqhom bħalissa u oħrajn għadhom fil-pipeline. Bħalissa għadni għaddejja bl-istudju tiegħi u dan qed joħodli ftit tal-ħin mhux ħażin, imma hemm affarijiet oħra li jekk il-Bambin itini s-saħħa, jsiru wkoll ’il quddiem.
5. X’parir tagħti liż-żgħażagħ li joħolmu li jimxu fuq il-passi tiegħek?
It-tfal tiegħi illum huma żagħżagħ. Jien naħdem ukoll maż-żagħżagħ u l-ewwel ħaġa li ngħidilhom hu biex ma jaqtgħu qalbhom qatt. Jekk ma jirnexxilekx illum, jirnexxilek għada u jekk dan l-oġġett li ppruvajt ma ħadimx, ipprova xi ħaġa oħra imma taqtax qalbek. Jekk għadek ma sibtx il-karriera jew il-linja li tixtieq taqbad f’ħajtek ibqa’ pprova affarijiet differenti sakemm fl-aħħar issib dak li tħossok komdu fih u kif issib dak li tixtieq ibqa’ fittex u aħdem għalih. Trid taħdem biex tasal fejn trid. Trid tbati biex tifraħ!
Grazzi minn qalbi talli aċċettajt din l-intervista Simone! F'isem tim Gwida.mt nawguraw lilek u lill-familja tiegħek il-Milied u s-sena t-tajba!
Simone DeBattista