Aħna ta' Gwida.mt, proprju ftit jiem qabel l-ewwel tas-sena kellna ċ-ċans li nitkellmu mal-preżentatur ta' Calypso FM Twanny Scerri. Lil Twanny kellmnieh dwar l-esperjenza tiegħu fil-midja u anke tlabnieh l-awguri tiegħu għal dan iż-żmien.
Twanny, isem sinonimu mar-radju u x-xandir lokali. Minn fejn nibtet din l-imħabba?
Jien ili fix-xandir mill-1981. Bdejt bil-programm Leħen il-Ħbiberija u Solidarjetà fl-1981. Fl-1982, bdejt naħdem ma' Radju Malta, li kien parti minn Xandir Malta, fejn domt sal-2009. Wara, mort ma' Calypso Radio u Xejk TV, fejn kont full-time.
L-imħabba tiegħi għar-radju bdiet ferm qabel, jiġifieri lejn tmiem is-snin sittin u bidu tas-snin sebgħin. Dak iż-żmien, kont insegwi b'mod attiv ir-Rediffusion, nieħu sehem fit-telefonati mal-preżentaturi, u kont insegwi wkoll Radio 1 ta' RAI.

Iltqajt ma’ diversi artisti rinomati speċjalment dawk mill-kamp Taljan. Kellek xi esperjenzi memorabbli magħhom?
Iva, kelli ħafna esperjenzi sbieħ ma' diversi kantanti Taljani. Pereżempju, fl-1990, kont immexxi diskussjonijiet biex inġibu t-Tim Nazzjonali tal-Kantanti Taljani hawn Malta. Irnexxili, u bqajt ħabib ma’ Gianni Morandi, Pupo, Eros Ramazzotti, Riccardo Fogli, u oħrajn.
Jien ħabib personali ta’ Orietta Berti, u rnexxieli nġibha b’xejn hawn Malta biex ngħinu lill-familjari tal-vittmi tat-traġedja Um El-Faroud fit-Tarżna. Għandi wkoll esperjenzi ma’ Ricchi e Poveri u Marco Masini, fejn ippreżentajthom f’Lucca, l-Italja.
Kont immexxi wkoll tours għal kunċerti ta’ Gianni Morandi u Biagio Antonacci fi Sqallija u intervistajthom. Kien hemm ukoll tour ta’ ġimgħa li mexxejt fil-villaġġ ta’ Albano fi Brindisi.

Tħobb ħafna l-kanzunetti ta’ artisti lokali u nisimgħu diversi silitiet mingħandek. Għaliex tħoss li dan huwa importanti mmens li r-radju jagħti spazju kanzunetti Maltin?
Apparti l-mużika Taljana, nagħti ħafna spazju u importanza lill-mużika Maltija! F’kull programm li nagħmel fuq ir-radju, ndoqq ħafna mużika Maltija, kemm dik ta’ żmien ilu kif ukoll dik reċenti. Dan jinkludi diski ġodda minn festivals kif ukoll minn kantanti ġodda.
Importanti ħafna li aħna, bħala preżentaturi, nagħtu l-appoġġ kollu tagħna lill-artisti Maltin, speċjalment minħabba s-sagrifiċċji kbar li jagħmlu. Jien involut f’ħafna serati Maltin fejn dejjem nenfasizza l-importanza tal-kanzunetta Maltija, li tagħtina l-identità tagħna.
L-awgurju tiegħek għall-qarrejja tagħna f’jum l-ewwel tas-sena.
Nawgura lill-qarrejja numerużi tal-Gwida u lill-poplu Malti sena mimlija saħħa, għax hi l-aqwa ħaġa. Nawgura wkoll il-paċi kullimkien: fil-qlub tagħna, fil-familji tagħna, fil-pajjiżna, u fid-dinja.
Nittama wkoll li nkunu aktar tolleranti ma’ xulxin fil-ħsibijiet tagħna.
Facebook / Twanny Scerri