Lawrence Gray, il-kantant li seraq qlub il-Maltin bil-vuċi tiegħu, kien mistieden waqt il-podkast ta' Gwida, Kellymni. Lawrence apparti li jsemmi l-problemi ta’ saħħa li kellu, jitkellem dwar in-nies li ltaqa’ magħhom u li għenuh tul is-snin, speċjalment fil-karriera mużikali.
Il-kantant lokali jistqarr kif sfortunatament hemm min ma jemminx biżżejjed fit-talent tiegħu. Lawrence għadda minn mumenti fejn applika biex jieħu sehem fi produzzjoni, iżda ma tawhx iċ-ċans.
Isemmi fost l-oħrajn meta kellu awdizzjoni f'teatru u sfortunatament minkejja li wera kemm hu kantant kapaċi, ma għażluhx.
"Xħin mort għall-awdizzjoni u għamiltha, intgħoġobt ħafna, imma qaluli, 'Għandek il-vuċi li qed infittxu, iżda sfortunatament int daqsxejn qasir għall-parti.' Immaġina, inti tistudja, tagħmel ċerti sagrifiċċji, imbagħad jiġu jgħidulek hekk."
Lawrence ġie f'punt fejn iħossu insigur wara l-ħafna bibien li sab magħluqin minkejja kif nafu lkoll it-talent kbir tiegħu. Jitkellem dwar il-familja Abdilla, fosthom Victor, li kien jistmah daqslikieku kien missieru, u "tant emmnu fija li investew eluf fija biex nagħmel xi ħaġa bbarra minn Malta."
Ikompli jgħid li jinsab tant grat lejn żewġ persuni partikolari li dejjem emmnu fih f'ħajtu, il-Maestro Paul Abela, il-Maestro Joe Brown, il-Maestro Dominic Galea u Manolito Galea, Pawlu Testa.
"Kull darba li jkollhom xow kbir ġej u jkunu jridu persuna ta' stoffa li tieħu sehem, dejjem ċempluli... Dejjem it-telefon meta jdoqq għal xi ħaġa ta' stoffa, dejjem ċempluli, dawk nirringrazzjahom, għax dejjem baqgħu jemmnu fija."
Segwi aktar hawn taħt: