Fabian Demicoli, ġurnalist magħruf, qasam magħna l-esperjenzi tiegħu li issa reġa' sar missier ta' tewmin u kif il-ħajja tiegħu kompliet tisbieħ bit-twelid ta' Giuliana u Filippa, waqt li jippjana kif jibqa' bil-bilanċ bejn il-karriera u l-ħajja flimkien ma' martu Sarah u t-tliet uliedhom.
1. Dan iż-żmien tas-sena xi jfisser għalik speċjalment li ftit ilu erġajt sirt missier?
Il-Milied inħobbu ħafna. Ifakkarni ħafna fit-tfulija sempliċi imma li fiha ma kien jonqosna xejn għax fis-sempliċità kellna Milied sabiħ; li narmaw id-dar, l-attivitajiet fl-iskola, il-festin tat-tfal, il-Quddies, ix-xiri tar-rigali u ħafna aktar. Dan kollu llum niprova naghmlu mal-familja tiegħi u li fuq kollox nqattgħu ħin ta’ kwalita flimkien u noħolqu memorji sbieħ. Dak li hu tradizzjonali nħobbu, nipprova nattendi ħafna attivitajiet li jkunu qed isiru, iżda l-aktar li nfittex huwa dak li jkun awtentiku.
2. Kif l-irwol ta’ missier biddillek il-perspettiva ta’ ħajtek u hemm xi bidla mill-ewwel wild għal issa li għandek tewmin?
Nemmen li l-irwol ta’ missier bidlitli ħajti u ħajjet il-mara, Sarah, imma fuq kollox din il-bidla kienet għall-aħjar. Luigi ġab ferħ kbir f’Novembru tliet snin ilu. Barra minn hekk, ġab imħabba kbira. Issa b’Giuliana u Filippa xen inqas, ferħ kbir, u minkejja l-isfidi, nemmnu li dan hu l-isbaħ zmien li nistgħu ngħixu flimkien, fejn inrabbu lit-tfal u ngawdu lil xulxin kemm nistgħu.
3. B’karriera attiva fil-ġurnaliżmu u bil-familja kif qed issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali?
Din mhux facli ħafna, imma bħalissa l-familja hija prijorita ferm aktar mis-soltu u dan beħsibni nżommu għaliex tliet itfal mhux ċajta u żgur li ma tistax terfa’ l-piz il-mara waħedha, ghax hi wkoll ghandha l-karriera tagħha bħala avukat, allura nipruvaw nżommu bilanċ u ngħinu lil xulxin.
4. Hemm xi valuri jew prinċipji li tixtieq tgħaddi lit-tfal tiegħek hekk kif jikbru?
Bla dubju, l-aktar żewġ valuri huma li jgħinu u jirrispettaw lil min hu batut, li jipruvaw ma jweġgħux nies b’għemilhom, anzi jgħinu u li jaqsmu l-imħabba tagħhom mal- oħrajn, speċjalment min rari jesperjenzaha.
5. Hemm xi ħaġa ppjanata li qed tħares ’il quddiem għaliha fix-xhur li ġejjin?
Bħalissa ftit li xejn qed nippjanaw affarijiet, iżda l-ħin flimkien huwa fuq kollox dak li qed nfitxxu għaliex huwa minnu li t-tfal jikbru malajr
Instagram / Fabian Demicoli