Jekk għandek ruxxmata qomos u lbiesi fil-gwardarobba li ilek snin sħaħ ma tilbes u m’għandek l-ebda ħsieb li toħroġhom minn hemm, forsi din id-darba jaf issib użu għalihom!

Facebook / The Bumble Bee Shoppee

Għalkemm xi nies ma jiħdux ħafna gost jilbsu ħwejjeġ li diġà ntużaw, ta’ Bumble Bee Shoppee qed juruna li din mhux biss ma fiha xejn ħażin, iżda li saħansitra tkun tista’ tagħmel il-ġid billi tagħti ħwejġek bħala donazzjoni sabiex jintużaw mill-ġdid. Dan il-ħanut online twaqqaf din is-sena fuq Instagram, u ġibed l-attenzjoni ta’ bosta minħabba l-mod ta’ kif jaħdmu.

Huma jaċċettaw ħwejjeġ fil-forma ta’ donazzjoni mingħand nies li m’għandhomx aktar użu għalihom sabiex ibigħuhom lil ħaddieħor li jkun interessat, u l-flus li jaqilgħu minn dan is-servizz imur kollu għand organizzazzjonijiet lokali li jħaddnu valuri favur l-ambjent Malti.

“Meta tixtri lbies użat mhux biss ifisser li qed tixtrih għal prezz irħas, iżda wkoll li qed tnaqqas it-tniġġis ikkawżat mill-industrija tal-moda. 100% tal-flus li tonfoq fuq il-ħwejjeġ li għandna jmorru għal kawża favur Malta aktar nadifa u ħadra.” – Sarah Amato, waħda mill-imħuħ wara l-ħanut.

Facebook / The Bumble Bee Shoppee

Bumble Bee Shoppee ħa jkunu qed jorganizzaw pop-up thrift shop fil-21 u t-22 ta’ dan ix-xagħar ġewwa l-Birgu. Jarawk hemm?

Instagram


Kurt Gabriel Meli