Dorianne Mamo, il-preżentatriċi simpatika li bħalissa qed narawha tippreżenta TVAM, preżenetatriċi li rajnieha tikber fil-qasam tal-midja u t-televiżjoni lokali. Dejjem żammet saqajha mal-art u ħarġet it-talent tagħha bl-isbaħ mod possibbli. 

Żgur li xhieda ta' dan huma t-telespettatur li jsegwuha kull filgħodu u dawk li ilhom isgewu l-karriera tagħha mill-bidu nett. Aħna tkellimna magħha ftit jiem qabel il-Milied fejn qasmet magħna l-memorji tagħha u l-ħsibijiet dwar dan il-jum.

Il-Milied – X’memorji għandek ta’ dan il-jum meta kont għadek żgħira?

Naħseb li kien l-isbaħ żmien. Dejjem konna mal-ġenituri, li kienu jippruvaw ilaħħqu ma’ kollox u jdawruna kullimkien. Kienu joħduna naraw ħafna presepji, u l-ferħ tiegħi kien li ndur mal-Belt, ir-Rabat u l-Ħamrun biex naraw id-dwal fit-toroq. Konna nħejju l-Bambin fil-maxtura, u missieri kien jibni presepju li kull sena kien iżidlu xi ħaġa ġdida. Ommi kienet tagħmilna l-coconut balls, u dak iż-żmien dejjem konna nieħdu rigal sabiħ li nibqgħu nifirħu bih għal ġranet twal wara.

Xi jfisser għalik dan il-jum għażiż tal-Milied u kif tiċċelebrah?

Huwa jum tal-familja, jum fejn ma nippjana xejn biex żgur ma jkollix distrazzjonijiet. Huwa wkoll mument fejn nipprova niftakar f’min hu waħdu, għax gieli kien hemm żmien fejn jien stess ħassejtni waħdi. Il-Milied huwa żmien speċjali li jerġa’ joħodni lura f’meta kont tfal.

Għandek xi ikel favorit marbut ma’ dan iż-żmien u tiddeletta fil-kċina biex issajjar xi ħaġa?

Fil-kċina ma ninqalax ħafna, imma l-ħelu u l-ikel ma jonqosx għax jagħmilna ferħana! Nispiċċa nixtri l-ħelu, u naqla xi Christmas log jew tnejn!

Xewqa li għandek f’dan il-jum għażiż tal-Milied u x’appell tgħaddi lill-qarrejja tagħna?

Ix-xewqa tiegħi hija li kemm jista’ jkun ma jkunx hemm tfal u anzjani li jħossuhom waħedhom jew minsijin għax hu żmien sensittiv wisq, fejn kważi hu mistenni mis-soċjetà li tqattgħu b’ċertu mod. Allura kemm jista' jkun ejja nsibu ħin biex inżuru jew nagħtu mqar telefonata lil xi persuna li nafu li tħossha waħedha.

X’inhuma l-pjanijiet ta’ Dorianne għas-sena 2025?

Il-pjan tiegħi huwa li ma nagħmilx pjanijiet! Aħjar hekk. Bil-grazzja t’Alla, qed jiġu opportunitajiet sbieħ ħafna li ngawdihom u nitgħallem minnhom kuljum.

Bernard Polidano / Adam Polidano


Emil Calleja Bayliss