Kienet proprju d-drama li laqqgħet lill-koppja Clayton u Lenies Pace. Huma magħrufin għas-sehem tagħhom f’bosta sensiliet televiżivi, kif ukoll għat-tmexxija tal-grupp tad-drama 'Mixta'.

Minkejja l-impenji li għandhom bħalissa, sabu l-ħin li jaqsmu kelmtejn miegħi bi tħejjija għas-sena l-ġdida.
1. Kif tiċċelebraw dan iż-żmien tas-sena, bħala familja? Iżommu ma’ xi tradizzjonijiet partikolari?
Clayton: Żmien il-Milied inħobbu ħafna. It-tiżjin, il-kesħa, l-għaqda ...
Inħobb inżommu reali kemm jista’ jkun, ma tantx jattirawni avvenimenti bombastiċi. Xi ħaġa li ilha ssir minn mindu konna tfal hi li lejliet il-Milied niltaqgħu l-familja kollha d-dar, nieklu flimkien, inqassmu r-rigali lil xulxin u wara noqogħdu nilagħbu jew naraw xi film. Illum bqajna nagħmluha mat-tfal tagħna. Xejn kbir ... iżda għalija hija d-dinja.
Lenies: Għandna tradizzjonali mal-familja ta’ Clayton li kulħadd jixtri rigal żgħir lil xulxin u lejliet il-Milied niltaqgħu kollha d-dar tagħna. Kulħadd isajjar xi ħaġa u naqsmu kollox.
2. Kif issibu bilanċ bejn l-impenji tal-karriera u x-xogħol tagħkom, u l-ħin prezzjuż mal-familja?
Clayton: Hija battalja kontinwa tul is-sena kollha biex issib bilanċ bejn dak kollu li għandna f’ħajjitna. Mhu faċli xejn.
Aħna t-tnejn naħdmu għal rasna fuq id-drama, u ħafna mix-xogħol jista’ jkun fi kwalunkwe ħin .. din tagħmilha iżjed iebsa. Li nagħmel hu li f’ħin il-familja nħalli l-mowbajl fuq silent u din tgħinni sabiex imqar għal ftit ħin ninqata’ mid-dinja ta’ barra.
Lenies: Fil-verità il-ħajja li ngħixu aħna hija waħda mgħaġġla mmens, mimlija affarijiet tad-drama. Għalkemm hija ħajja li ma nbiddilha ma xejn, hija impenjattiva ħafna. Kemm jista’ jkun nippruvaw ninqasmu jien u Clayton sabiex lit-tfal nagħtuhom il-ħin li jistħoqqilhom. Barra minn hekk, nippruvaw li darba fil-ġimgħa nġibu s-saqqijiet fis-salott u naraw xi film f’daqqa.

3. Temmnu fir-riżoluzzjonijiet? Ġieli għamiltu riżoluzzjoni u żammejtu magħha? U għandkom xi riżoluzzjoni għas-sena l-ġdida?
Clayton: Le ... iżda nħobb li qisu darba fix-xahar nagħmel meditazzjoni u nevalwa dak kollu li nkun għaddej minnu fil-mument.
Lenies: Inħobb nagħmilhom, iżda nkun naf minn qabel li se niksirhom! Ġeneralment dejjem tkun l-istess ħaġa: dik li niekol iżjed ikel bnin (bejnietna, qatt ma ħadmet).
4. Għandkom xi pjanijiet dwar kif se tqattgħu lejliet l-ewwel tas-sena u l-ewwel tas-sena?
Clayton: S’issa le! Jien ma nafx nippjana minn qabel .... aktar ma nippjana l-affarijiet fl-aħħar ħin, aktar nikkonċentra.
Lenies: S’issa għad xejn, naraw mal-ħin.
5. Kemm intom impenjati bid-drama f’dan iż-żmien tal-festi? U għandkom xi proġetti għall-futur?
Clayton: Ninsabu mħabbtin ħafna bħalissa, imma nħares lejn il-lenti pożittiva. Niftakar meta kelli l-ħolma li nkun full-time fuq id-drama, kienu bosta nies li qatgħuli qalbi. Apparti li veru, mhijiex xi ħaġa faċli, imma x-xogħol u l-proġetti narahom bħala barka. Ġejjin aktar proġetti televiżivi u teatrali minn Mixta ... s’issa s’hemm nista’ ngħid!
Lenies: Ninsabu mħabbtin mhux ħażin, kieku ma jkunx hekk kieku ngergu li m’għandniex xogħol! F’dawn l-affarijiet jiena nħalli dejjem f’idejn Clayton u jiena nimxi ma’ dak li jkun hemm bżonn.
F'isem tim Gwida.mt nawguralkom l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida! Awguri kbira għall-proġetti li għandkom!
Clayton u Lenies Pace