Is-Sibt li għadda, Teresa Ruglio li tgħix ġewwa Tas-Sliema ġiet inkurunata Miss Universe Malta. Teresa mhux Maltija, imma ila tgħix f'pajjiżna għal dawn l-aħħar tliet snin. It-tfajla kif ħa taraw għandha qalba marbuta ma' dawn il-gżejjer u ċertament ħa tkun qed iġġorr il-bandiera Maltija b'unur.

Aħna saqsejnieha ftit mistoqsijiet sabiex insiru nafu lil Teresa aħjar u naraw x'għandha xi tgħid dwar il-fatt li ħa tkun qed tirrapreżenta lil pajjiżna. Jidher biċ-ċar li Teresa hi tfajla intelliġenti u ħa tagħmel lil Malta kburija għax grata tassew li qed tingħata dan il-privileġġ.

Kif tħossok wara li irbaħt dan il-konkors prestiġġjuż?

Inħossni grata ħafna u onorata, għadni qed nipproċessa l-fatt li Malta għażlietni bħala r-rebbieħa. Jien ħdimt ħafna għal din il-kompetizzjoni bħall-kontestanti l-oħra kollha, għalija huwa privileġġ kbir li ġejt inkurunata r-rebbieħa.

Int oriġinarjament mill-Venezwela, kif tħossok dwar il-fatt li se tkun qed iġġorr il-bandiera Maltija f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża?

Jien oriġinarjament mill-Venezwela imma jien ukoll nofsni Taljana. Inħossni kburija ħafna li ntajjar il-bandiera Maltija għaliex dan il-pajjiż tani l-opportunità li nerġa' nieħu ħajti lura u niskopri opportunitajiet ġodda.

Għalija l-fatt li qed ngħix f'Malta u qed nibni ħajti hawn, timlini b’kuraġġ u b’imħabba u lesta sabiex ngħid lid-dinja li Malta hija pajjiż magħmul mill-imħabba u l-aċċettazzjoni. Malta hija art ta' opportunitajiet għal kulħadd. Għalkemm mhux imwielda hawn qalbi dejjem grata lejn Malta.

Ritratt: Facebook / Teresa Ruglio - Mehud minn: Benjamin Sant

Kif tirrelata mas-slogan tal-konkors ta' Miss Universe ‘Confidently Beautiful’?

Għalija dan is-slogan jfisser mara mogħtija s-setgħa li temmen fiha nnifisha, timxi ’l quddiem għaliex tifhem l-importanza tal-imħabba u taħdem b'determinazzjoni għall-ħolm tagħha kuljum.

Hija mara li qiegħda dejjem tikber bħala persuna u tieħu ħsieb oħrajn. għalhekk hi tispira matul l-azzjonijiet tagħha. Nista' nirrelata wkoll dan is-slogan miegħi nnifsi, fejn irrid inwassal il-messaġġ b'saħħtu, li irrispettivament minn liema kritika nista' naffaċċja fil-vjaġġ tiegħi nibqa’ ‘Confidently Beautiful’.

X'qed tistenna l-aktar minn din il-kompetizzjoni?

Qed nistenna b’ħerqa kollox, għaliex dan huwa kapitlu ġdid f'ħajti li minnu nista' nitgħallem ħafna u nuri kemm inħobb il-pajjiż li noqgħod fih. Fir-rigward ta’ Miss Universe nnifisha ħerqana sabiex niltaqa’ ma' Steve Harvey minħabba li jien nammirah bħala kelliem motivazzjonali, u bħala kelliema motivazzjonali nnifsi, se jkun ta’ pjaċir kbir li niltaqa' miegħu.

Dan il-vjaġġ għadu kif beda u jien se nipprepara ruħi għal wirja kbira f'Miss Univers waqt li ntajjar kburija il-bandiera Maltija. Kull pass ta' dan il-vjaġġ qed nistennieh b’ħerqa kbira.

Ritratt: Facebook / Teresa Ruglio - Piccinino Lingerie

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek s’issa?

Tal-ġenn! Diġà biddiltni ħafna bħala persuna u għalkemm f’xi jiem tista' tidher diffiċli, irrid dejjem nistenna bil-ħerqa dak li jmiss f'dan il-vjaġġ.

X'tistenna minn din l-esperjenza barra minn xtutna?

Minn din l-esperjenza qed nistenna li naqsam u nitgħallem mingħand kulħadd, għax dak hu li jagħmilni kuntenta imma l-iktar importanti hu li nesprimi l-imħabba u l-gratitudni. Il-ħolma tiegħi hi li nsir kelliema motivazzjonali u din mhix se tibqa' biss ħolma, nista' nagħmilha bis-saħħa tat-titlu Miss Universe Malta.

Ritratt: Facebook / Teresa Ruglio 

X'kienet l-iktar ħaġa li int ħadt gost biha s'issa?

L-iktar ħaġa li jien gawdejt kienet il-preparazzjoni tiegħi għall-kompetizzjoni. Speċjalment, meta konna mmorru għall-provi u nqattgħu ħin mal-kontestanti kollha, li nqishom ilkoll prinċipessi. Kellna ħafna ħin flimkien, dħakna u dejjem konna ngħinu lil xulxin u nappoġġjaw lil xulxin.

Ovvjament l-appoġġ kollu bis-sħiħ tad-diretturi tagħna Alan J Darmanin u Jeff Francalanza, flimkien mal-kowċ tagħna Marvin Bunayo u r-rebbieħa tas-sena l-oħra Francesca Mifsud li lkoll kienu ta’ motivazzjoni għalina. Minħabba li din mhux biss bħall-kompetizzjonijiet oħra, il-proċess li jwasslek sal-aħħar lejl huwa proċess li titgħallem minnu f’kull ħin.

Min jispirak fil-ħajja? Għaliex?

Hemm ħafna nies li ispirawni f'ħajti. Imma żgur ngħid li ħija Bruno, li miet is-sena l-oħra, huwa kien isofri mill-iskizofrenija u kellu żmien iebes ħafna minħabba l-kundizzjoni tiegħu, imma hu kien jemmen fih innifsu.

Kellu jgħidli nħobbok, inti l-oħt favorita tiegħi, kompli agħmel dak li qed tagħmel. Hu kien dejjem umli u jitbissem. Inħobbok Bruno, din il-kompetizzjoni hija għalik.

Ritratt: Facebook / Teresa Ruglio - Mehud minn: Godfrey J Massa

Lil min tixtieq tiddedika din ir-rebħa?

Din ir-rebħa niddedika għall-Malta, il-familja tiegħi, l-għarus u n-nies kollha li jemmnu fija.

Messaġġ finali lill-qarrejja kollha tagħna.

Bi tbissima fuq wiċċi, ilbieraħ kelli l-privileġġ nirbaħ il-kuruna ta’ Miss Universe Malta 2019, inkun grata ħafna jekk inti taċċetta lili għal min jien u għal minn fejn ġejja. Il-messaġġ tiegħi għalikom huwa aħdem fuqek innifsek, apprezza l-ħajja li għandek, għix kuljum bi gratitudni u l-imħabba, tieħu xejn ovvju u gawdi kull moment.

Tkunx daqshekk diffiċli fuqek. Ftakar li nistgħu dejjem ninbidlu u nikbru. Kull ma trid tagħmel hu li tibda minnufih hawn u issa, b’attitudni pożittiva u tfittex dejjem sabiex titgħallem. Ibqa’ miexi 'l quddiem u gawdi l-vjaġġ. Jien inkun grata dejjem għal dan il-pajjiż. Inhobbkhom għal dejjem. Grazzi Malta!

Minn hawn nixtiequ nawguraw lil Teresa Ruglio, Miss Universe Malta kull suċċess fl-avventura barra minn xtutna. Din l-intervista hi xhieda ċara, li l-mudella ħa tkun ambaxattriċi mill-aqwa għal pajjiżna. Awguri Teresa!


Emil Calleja Bayliss