Aħna ta' Gwida, kellna ċ-ċans li nitkellmu mat-tliet rebbieħa li ħadu sehem fl-aħħar edizzjoni tal-Malta Junior Eurovision Song Contest. Illum se nibdew b'intervista qasira mal-kantanta żagħżugħa Emma Farrugia li spiċċat fit-tielet post bil-kanzunetta Summertime.
Emma tgħidilna li għandha 12-il sena, toqgħod il-Mellieħa u tħobb il-mużika pop. Din ma kinitx l-ewwel darba li Emma pparteċipat fil-Malta Junior Eurovision Song Contest, is-sena li għaddiet għamlet id-debutt tagħha permezz tal-kanzunetta mill-Iżrael Unicorn.

Hi tistqarr magħna, "Għalija din is-sena kienet esperjenza isbaħ għax kelli l-opportunità li noħloq kanzuneta li tiddeskrievi lili nnifsi. Kanzunetta li fiha kelli ċ-ċans noħloq xi ħaġa eżatt kif xtaqt jien. Kanzunetta oriġinali, b'differenza mis-sena li għaddiet. Kienet xi ħaġa differenti ukoll għax ħdimt dirett ma' tim b'taħlita ta' barranin u Maltin waqt il-Malta Eurovision Song Contest Camp."
Emma tidħol aktar fid-dettall dwar kif inħolqot Summertime. Hi tistqarr magħna li waqt l-ewwel ftit minuti tas-sezzjoni tagħha fil-kamp, it-tim li kienet qed taħdem miegħu magħmul minn John Emil mill-Isvezja, Soren Emil mid-Danimarka u Emil Calleja Bayliss minn Malta, staqsewha mistoqsijiet relatati mal-artisti li jogħġbuha, x'mużika tieħu gost tkanta u xi tħobb tagħmel.

Infatti l-idea li l-kanzunetta tagħha tkun dwar is-sajf kienet proprju tagħha. Pajjiżna magħruf għas-sajf tiegħu u Emma tieħu gost tgawdih ma' sħabha. Minn hemm inħolqot Summertime. Bla ma ridna staqsejna lil Emma jekk għadx nerġgħu narawha f'din is-selezzjoni minħabba li l-età tagħha tippermetti.
Emma tgħidilna, "Hija esperjenza sabiħa u xi ħaġa li nikkonsidra imma mhux deċiżjoni li nieħu bħalissa għax ma naf kif se jkun iċ-ċirkustanzi u l-opportunitajiet li jinqalgħu fil-futur." Rigward pjanijiet fil-futur bl-iktar mod onest Emma tistqarr, "Bħalissa m'għandi xejn pjanat għax għadni kemm ħriġt minn xhur intesivi tal-Malta Junior Eurovision Song Contest, però żgur meta tiġi l-opportunità li nitla' fuq il-palk se noħodha."

Awguri għall-aktar suċċessi Emma! Ninsabu ċerti li se nisimgħu aktar dwarek!