Ix-xena tal-mużika llum il-ġurnata żgur mhijiex nieqsa minn talent kbir lokali, però tajjeb li nfakkru dawk li wittew it-triq għal dak li għandna issa! Għandna 5 gruppi mis-sittinijiet u s-sebgħinijiet għalik – jirnexxilek tagħrafhom kollha?

The Black Train

G

M3p.com.mt

Nibdew b’waħda faċli! Il-Black Train ġie ffurmat minn Freddie Portelli, u kienu attivi bih bħala l-kantant prinċipali mill-1966 sal-1972. Minbarra dan, wieħed kien isib ukoll lil Freddie Calleja, George Baldacchino u aktar tard Joe Vella, u għalkemm infirdu madwar l-1985, il-band jibqa’ mfakkar għall-kisbiet tiegħu fix-xena mużikali lokali.

Greenfields

B

M3p.com.mt

Il-mużika folk ħadet spinta bil-grupp Greenfields, imwaqqaf madwar l-1970 minn Joe Tanti, Carmen Tanti u Charles Bajada. Minn Il-Karozzin sa Tgħidx Le Katarina, Greenfields żgur mhux forsi ħallew il-marka tagħhom permezz tal-mużika bellezza li ħolqu fis-70ijiet.

Life

B

M3p.com.mt

Grupp ieħor li twaqqaf fil-bidu tas-70ijiet, Life sab ruħu jiġi fis-seħħ wara t-tmiem ta’ grupp ieħor, The Northbeats. Kien jikkonsisti minn Joe Cilia, Charles Sacco u Victor Schembri min-Northbeats, missiħbin ma’ Michael Galea u Emy Dingli. Fir-repertorju mużikali tagħhom insibu diski bħal Ftakar Żmien L-Imgħoddi u Qawsalla.

The Malta Bums

M3p.com.mt

Importanti nsemmu li qabel The Black Train,  Freddie Portelli kien medhi f’xogħlu ma’ The Malta Bums, li permezz tagħhom diġà beda jistabbilixxi ismu fost il-Maltin. Din il-band bdiet madwar l-1963 u kienet tikkonsisti wkoll minn tliet Tony-jiet: Tony Muscat, Tony Bartolo, u Tony Camilleri. The Malta Bums kienu ħarġu diski bħal Viva Malta u Nerġa’ Nsir Ferħan.

Flame

M3p.com.mt

Iffurmat fl-1977, il-line-up finali ta’ Flame kien jikkonsisti minn Anthony A. Cachia, Walter Bonett, Joe Muscat u Raymond Zammit. L-imħuħ wara kanzunetti bħal Terġax Tmur u Ġejja L-Mummy, Flame baqgħu attivi anki sal-bidu tat-80ijiet.

Tiftakarhom allura?

M3p.com.mt


Kurt Gabriel Meli