Jekk tkun qed tgħix fit-toroq, li jkollok ħwejjeġ indaf hija lussu! Papa Franġisku hekk ħaseb u ħa azzjoni. Ftit tas-snin ilu, f’Ruma, Papa Franġisku fetaħ ‘laundry’ b’xejn għan-nies foqra u bla saqaf fuq rashom. “Li jkollna din il-faċilità u li jkollna ħwejjeġ indaf ifisser ħafna għalina”, qalet Rossana Inguscio, li hija waħda mill-persuni li jgħixu fit-toroq ta’ Ruma.
Ħajjet dawn in-nies hija mimlija diffikultajiet. Qabel infetħet din il-‘laundry’ ma kellhom imkien fejn setgħu jaħslu ħwejjiġhom. “Dan huwa miraklu. Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil Papa Franġisku u ngħidlu kemm verament huwa bniedem umli għalina l-foqra,” qal b’emozzjoni Ciro Guardascione, li wkoll huwa persuna bla dar. F’Ruma biss hemm madwar 8,000 persuna bla saqaf fuq rashom, li minnhom 2,500 jorqdu fit-toroq. Din il-‘laundry’ ħalliet impatt pożittiv fuq dawn il-persuni foqra.

Fl-Arġentina, art twelidu, Papa Franġisku kien magħruf bħala ‘L-isqof tal-kerrejja’, minħabba li kien iżur ta’ spiss bliet fejn jgħixu l-foqra f’Buenos Aires. “Papa Franġisku huwa kbir, kbir, kbir, kbir u kbir. Grazzi ħafna Papa Franġisku,” qal bid-dmugħ f’għajnejh Karol, persuna oħra bla dar.
Papa Franġisku jistedinna nieqfu ħames minuti jew għaxra, inpoġġu bilqiegħda, bla radju, bla televiżjoni u bla kompjuter, u nirriflettu ftit fuq l-istorja tagħna. Inqisu l-barkiet u l-inkwiet li għandna; il-grazzji u d-dnubiet; kollox. Papa Franġisku jgħid li jinsab ċert li f’nofs dan kollu, anke forsi fl-affarijiet il-koroh, għax aħna lkoll għandna l-ikrah fil-ħajja tagħna, jekk nieqfu ftit niskopru s-sabiħ. Papa Franġisku jaċċertana li wara dan kollu aħna nimtlew bil-ferħ. Il-Papa jgħaddilna tliet messaġġi importanti li minnhom għandna nitgħallmu:
- Il-futur ikun suċċess jekk ningħaqdu lkoll flimkien.
- Tħallix it-teknoloġija innovattivà tagħmik għat-tbatijiet tal-oħrajn.
- Ir-rivoluzzjoni tat-tenerezza – li naraw b’għajnejna u nisimgħu b’widnejna l-bżonnijiet tal-proxxmu.

Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil persuni simili t’hawn fuq u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex kull persuna jkollha opportunità li tgħix ħajjitha b’dinjità. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn Facebook jew fuq 2123 6962.