Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Dipartiment tal-Informazzjoni qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni rigward li kienet indikata għall-bini industrijali f’Bulebel, fejn issa ser tibqa’ art agrikola.
Huma bdew billi qalu, “Art ta’ madwar 126,000 metru kwadru – ekwivalenti għal madwar 18-il grawnd tal-futbol – li kienet indikata għal bini industrijali f’Bulebel ser tibqa’ art agrikola.”
Żiedu jgħidu, “Permezz ta’ dan il-ftehim importanti art b’medda ta’ 126,065 metru kwadru, ekwivalenti għal aktar minn 112-il tomna jew id-daqs ta’ madwar 18-il grawnd tal-futbol, ser tibqa’ disponibbli għall-bdiewa Maltin biex ikomplu jipproduċu prodotti lokali. Il-ftehim jipprovdi biex din l-art li kienet għand l-INDIS qed tiġi trasferita lura lill-Awtorità tal-Artijiet biex tibqa’ bħala art agrikola.”
Qalu wkoll, “Din l-art barra l-valur agrikolu li għandha, għandha wkoll valur kulturali minħabba l-possibilità ta’ fdalijiet arkeoloġiċi li jista’ jkun hemm fl-inħawi. Il-ftehim intlaħaq b’kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ Ministeri sabiex jiġi żgurat futur aħjar għall-art u l-ambjent Malti.”