Kantanti, bands, kompożituri u awturi... smajtu bl-aħbar? Il-Festival Kanzunetta Maltija ser jirritorna s-sena d-dieħla, u l-applikazzjonijiet ser jiftħu bejn it-28 u t-30 t'Ottubru 2020!

Tkellimna mal-Maestro Paul Abela, wieħed mid-diretturi artistiċi ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija. Hu żvela li l-festival ser ikun immexxi minn orkestra magħmula minn madwar 40 mużiċist tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, flimkien ma' sezzjoni ritmika ta' 2 keyboards, 2 kitarri, baxx u drums. Ma jonqosx ukoll il-backing vocalists li se jkunu parti mill-orkestra u jistgħu jintużaw minn kulħadd. 

Ritratt: Brian Mifsud / Facebook

Iżda peress li l-kanzunetti li jintgħażlu ser jitkantaw LIVE mal-orkestra, l-kompożitur għandu xi restrizzjonijiet? 

"Rigward ħsejjes tal-orkestra m’hemmx restrizzjonijiet għax se jintużaw mezzi teknoloġiċi moderni bħal 'click track', eċċ.. u b’hekk kull ħoss li jkun hemm fir-recording jista' jiġi riprodott fil-preżentazzjoni tal-orkestra. Għalhekk il-kompożitur m’għandux jillimita ruħu għall-kanzunetti b’ħoss orkestrali biss, anzi aħna rridu illi jkun hemm stili differenti u li jitħajru jidħlu bands, artisti tar-rap,rock, r'nb, eċċ.. ukoll biex il-festival ikun interessanti u varjat," jgħid Mro Abela. 

Għalhekk għandna nistennew festival b'kull ġeneru possibbli, "Ma rridux nippreżentaw festival b’kanzunetti bi stil wieħed. Aktar ma jkun hemm varjetà aktar aħjar. Il-kompożituri m’għandhomx joqogħdu lura milli jipprovaw stili differenti u ma jirraġunawx fuq il-bażi li 'Din kanzunetta tal-Festival', " jgħidilna waqt l-intervista l-Mro Paul Abela. 

X'qed tistenna? Kun parti mill-istorja tal-mużika Maltija... 


Anthony Baldacchino