Owen Leuellen, l-aktar rapper żagħżugħ popolari f’Malta għal dawn l-aħħar ġimgħat. Għal Owen, X Factor mhux biss kien il-bieb li wasslu għall-bidu tal-karriera iżda kien ukoll il-bieb li wasslu għall-ħolma li minn dejjem xtaq.

Kien proprju għal din ir-raġuni li ddeċieda li jipparteċipa f’X Factor għaliex b’inkoraġġiment tal-familjari u ħbieb tiegħu, emmen li X Factor seta’ jwasslu għal dak li ried jasal għalih. Madankollu Owen jgħid li qatt ma stenna li jikseb tant suċċess, għaliex fil-bidu kien xi ftit xettiku dwar kemm il-pubbliku se jaċċetta l-istil tiegħu.

Filwaqt li spjegalna x’fissret għalih l-esperjenza tiegħu f’x factor, Owen esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-ġurija speċjalment Ira, li kienet il-mentor tiegħu, kif ukoll dawk kollha li emmnu fih. Ma stajniex inħallu barra l-famuż dwett li ġibed l-attenzjoni ta’ eluf ta’ nies u għadu jindaqq kullimkien.

Owen, kont wieħed miż-żewġ finalisti fejn ġejt ikklassifikat fit-tieni post. Minkejja li ma kontx ir-rebbieħ, is-suċċess tiegħek hu evidenti ħafna. Kif tħossok li wasalt s’hawn?

Għalkemm ma rbaħtx ninsab ferħan ħafna li wasalt s’hawn għax ilni b’din il ħolma minn mindu kelli 14-il sena u fl-aħħar nista’ ngħid li n-nies raw u apprezzaw it-talent tiegħi.

Fis-serata finali spikkat partikolarment ir-rappreżentazzjoni li tajt flimkien ma’ Ira. Saħansitra kienet waħda mid-dwetti favoriti tas-serata. X’fisser għalik il-fatt li qsamt il-palk ma’ Ira?

Fil-bidu kien unur li stajt naħdem ma’ artista bħal Ira Losco speċjalment peress li kienet il-mentor tiegħi. Kif sirt naf li se nkun fi dwett magħha kont onorat ħafna aktar. B’din l-opportunità li stajt naqsam il-palk ma’ Ira komplejt nikkonferma kemm hi artista inkredibbli.

Waħda mir-raġunijiet li din ir-rappreżentazzjoni ħalliet impatt fuq bosta nies, inkluż dawk li m’humiex daqshekk familjari mal-mużika rap, kienet il-chemistry evidenti ta’ bejnek u bejn Ira. Kienet aħbar sabiħa għal ħafna li rrekordjajtu d-dwett. Tikkunsidra li jkun hemm aktar kollaborazzjonijiet bejnietkom fil-futur?

Ninsab verament grat kemm għar-riżultat tad-dwett li ħareġ fis-serata finali kif ukoll għar-rispons tan-nies. Grat ukoll għall-opportunità li ngħatajt biex nirrekordjaw id-dwett, u għal darb’oħra, għar-reazzjoni tan-nies għal din l-aħbar. Defin-ittivament nixtieq li jkun hemm aktar minn proġett wieħed ikkollaborat ma’ Ira.

Ġimgħa wara ġimgħa kont qed tikkonvinċi aktar lill-ġurija bil-potenzjal u l-passjoni tiegħ-ek lejn dak li tħobb. Kif kienet l-esperjenza tiegħek mal-erba’ ġurija, speċjalment Ira?

Matul l-esperjenza kollha, speċjalment fil-bidu, ikollok ċerti kummenti mingħand il-ġurija li jimmotivawk u oħrajn li jġegħluk taħdem aktar biex turi-hom li kapaċi. Nista’ ngħid li l-ġurija kollha tawni motivaz-zjoni tajba speċjalment Ira Losco li għenitni nħossni aktar kunfidenti bit-talent tiegħi.

Bħala persuna li qatt ma kont kantajt quddiem ammont kbir ta’ nies qabel, x’emozzjonijiet ħassejt kull darba li tlajt fuq il-palk biex tagħti r-rappreżen-tazzjoni tiegħek u kont tħoss l-enerġija tal-udjenza li kien jirnexxilek tittrasmetti int stess?

Bħala persuna li qatt ma kelli esperjenza fuq palk inħossni onorat illum li tgħallimt kif nik- kontrolla l-folla bl-enerġija tal-mużika stess u nista’ ngħid li għext il-ħolma tiegħi aktar minn darba. Ninsab ċert li se nkompli ngħixha għal ħafna żmien.

Għaliex iddeċidejt li tipparteċipa f’X Factor?

Minn dejjem kont fanatiku tal-mużika rap u minn meta kelli 14-il sena ddeċidejt li nixtieq insir artist internazzjonali. Il-ħolma baqgħet dejjem hemm u jien bqajt dejjem nipprepara ruħi għal meta jinfetaħ il-bieb. Meta l-X Factor ġie f’Malta wkoll il-familjari tiegħi u ħafna minn sħabi inkoraġġewni biex napplika. Peress li kienet ilha ħolma li kont nittama li xi darba sseħħ, ħassejt li dan kien il-bieb li seta’ jwassalni għal dak li nixtieq.

Minħabba li l-istil rap forsi mhux daqstant komuni mal-pubbliku nkwetajt xi ftit dwar kif dan il-fatt seta’ jaffettwa ż-żmien tiegħek f’din l-avventura?

Iva, minkejja li xorta waħda kont determinat li nidħol għal din l-isfida, mill-bidu dħalt bil-ħsieb li l-ġeneru tar-rap ma tantx kien se jiġi aċċettat u apprezzat. Iżda għall-kuntrarju ta’ dak li ħsibt, il-pubbliku apprezza t-talent u fehem il-messaġġ tiegħi.

Kif nibtet l-imħabba għall-istil rap?

Meta kelli xi tmien snin kont diġà nisma’ l-ħija dejjem idoqq diski rap, u darba sempliċiment smajt kelma minn diska tal-artist Eminem, u baqgħet ġo moħħi. Minn hemm ridt nitgħal-lem il-kanzunetta kollha li kien-et White America. Minn hemm imbagħad bdejt nitgħallem diski oħrajn.

Għaliex tagħżel li tibbaża l-lir-ika tiegħek fuq esperjenzi u sitwazzjonijiet reali? Tħossok li tesprimi dak li tkun għaddej minnu aħjar b’dan il-mod?

Jien bniedem li nuża l-mużika bħala espressjoni u wkoll bħala terapija. Minn meta kont żgħir kont nikteb lirika biex nimmotiva lili nnifsi u li l-ħolma tista’ ssir realtà. Aktar ’il quddiem tgħallimt nirrakkonta storja permezz ta’ kanzunetta jew ngħaddi messaġġ aktar ċar.

X’differenza għamlet fik il-parteċipazzjoni tiegħek f’X Factor?

X Factor għamel differenza kbira fija għax ġibt il-kunfidenza kemm fuq il-palk u fuq kollox, miegħi nnifsi.

Bla dubju illum sirt persuna ferm aktar popolari milli kont qabel il-parteċipazzjoni tiegħek f’X Factor. Kif qed tadatta għall-fatt li issa kull fejn tmur hemm il-possibbilità li jwaqqfuk in-nies għall-attenzjoni tiegħek?

Fil-verità qatt ma kont nimma-ġina li l-X Factor se jwassalni għal dan is-suċċess. Imma kull darba li kont fuq il-palk ħdimt għall-mument daqs li kieku kien l-aħħar mument ta’ ħajti. Issa li n-nies raw u apprezzaw, kulħadd iwaqqafni għar-ritratti u għall-kummenti. Qatt ma ppretendejt li se jiġri hekk u b’hekk iġegħluni napprezza ferm aktar ix-xogħol li nagħmel u jgħinuni nibqa’ għaddej.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li dejjem issapportjawk?

Nixtieq ngħaddi messaġġ ċar lil kull min ivvutali u lil kull minn tani s-sapport. Kieku ma kontux intom li tajtu s-sehem tagħkom għax emmintu fija, kieku jien ma ninsabx fil-pożizzjoni li qie-għed fiha llum il-ġurnata. Nirrin-grazzja mill-qalb lilkom kollha li emmintu fija.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tiegħek għall-futur?

Issa għandi pjan f’moħħi li nżomm il-produzzjoni tal-mużi-ka dejjem għaddejja u nkompli dejjem nevolvi l-karriera mużikali tiegħi. Nixtieq nagħmilha ċara daqs il-kristall li l-X Factor mhux se jkun l-aħħar darba li smajtu ismi.

Kliem Leuellen huwa ċar daqs kristall, dawk kollha li huma fans taż-żagħżugħ ħa jkunu jistgħu isegwu fuq il-Fosos tal-Furjana, hekk kif Owen Leuellen ħa jingħaqad ma' numru ta' artisti Maltin li ħa jkunu qed jallegraw u jkantaw quddiem dik il-folla massiva. Folla li jkun hemm eluf ta' nies, kemm Maltin u kemm barranin li jinżlu apposta għal dan l-avveniment! Awguri Owen għal aktar suċċessi!

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Facebook / X Factor Malta


Roberta Magri