Għal dan il-Milied, Gwida.mt tkellmet ukoll mal-kantanta, attriċi, għalliema u preżentatriċi, Tiziana Calleja. M'għandha bżonn ta' ebda introduzzjoni, hekk kif lil Tiziana rajnieha kontinwament fuq it-televiżjoni b'mod speċjali, u għadna sal-lum il-ġurnata, waqt il-programm Ċempel u Irbaħ, flimkien ma' Janvil u Pawla fuq ONE.
Bħala attriċi lil Tiziana bla dubju li niftakruha waqt Gizelle, fejn ħadmet il-karattru ta' Narċisa. Riċentament dehret f'wieħed mill-każijiet ta' Noli wkoll li jixxandar fuq TOKIS.
Tiziana kisbet suċċessi anke bħala kantanta, speċjalment fil-Malta Song For Europe 2010, fejn klassifikat fit-tielet post bil-kanzunetta Words Are Not Enough (Paul Callus/ John D. Zammit). Lura fl-2018 kienet waħda mill-finalisti tal-Malta Eurovision bil-kanzunetta First Time (Tina Stenberg)
Illum il-ġurnata għandha l-professjoni anke ta' għalliema. F'din l-intervista ser nisimgħu anke x'ifisser għaliha ż-żmien tal-Milied bħala għalliema tal-kant! Araw x'qaltilna!
Xi jfisser għalik il-Milied, Tiziana?
Il-milied ifakkarni f’ħafna affarijiet ta’ meta kont żgħira. Jien kont l-ewwel wild fil-familja , u konna nagħmlu l-ikla għand in-nanna. Nibdew minn filgħodu sa xil-4 ta’ waranofsinhar. Niftakar imbagħad kulħadd kien imur id-dar, jinħasel u jbiddel, u nerġgħu niltaqgħu għand ommi u missieri biexn agħmlu apperittivi u hekk. Kienet tkun twila ħafna l-ġurnata tal-Milied! Imbagħad inqatgħet din, għax ovvjament in-nanniet kibru, u bqajna nagħmlu l-ikla, kienet tkun l-ikla uffiċjali, bqajna nżommu t-tradizzjoni għaddejja. Jiġu l-familjari, naraw lill-kuġini, u nqassmu r-rigali. Illum il-ġurnata daħħalna Secret Santa. Hi ġurnata li kulħadd iżomm vojta biex nibqgħu nżommu din it-tradizzjoni ħajja bejn il-familja tagħna wkoll.
Tirrakkuntalna xi esperjenza, storja, jew forsi xi praspura li ġrat fi żmien il-Milied?
Kif diġa għidt qabel, jien kont l-ewwel wild, allura niftakar, u anke nara r-ritratti, bdejt nikber u dejjem jitfgħuni fuq il-mejda fin-nofs tal-kamra, u jagħtuni r-rigali x’niftaħ u hekk. Il-Milied inħobbu ħafna, inkunu impenjati, imma f’sens tajjeb. Jien inħobb ħafna is-sens ta’ kor, u Centre Stage għandna dan il-kor magħmul mill-istudenti stess. Kieku taf kemm nieħu pjaċir ningaqad magħhom inkataw il-Christmas Carols, ‘l hemm u ‘l hawn, niltaqgħu, allura spiċċajna qisna t-tieni familja, li tagħmel l-esperjenza tal-Milied isbaħ. Dejjem b’xi praspura, daqqa nkantaw, daqqa xi ħadd nesa xi ħaġa, daqqa ġara xi ħaġa waqt li qed inkantaw, u nidħku minn taħt. Dawn l-affarijiet isiru, u nħalluhom jiġru għaliex le? Mumenti ħelwin li nibqgħu niftakru!
Bħala kantanta, attriċi, u preżentatriċi, hemm xi produzzjoni, forsi xi mument partikolari, li kont parti minnha relatata ma’ dawn iż-żminijiet, li tant tibqa' tiftakar?
Nibqa’ niftakar ħafna, l-unika darba tista’ tgħid li għamilt pantomina. Tissakkar ġot-teatru, li hi xi ħaġa li inti tħobb ħafna tagħmel, iżda fil-verita tinqata’ minn kollox u minn kulħadd biex tagħti pjaċir lil dawk li ġejjin jarawk. Kienet esperjenza sabiħa ġewwa t-Teatru Manoel, mal-FM Theatre Productions. Kont għamilt il-parti ta’ Piff X’Riħa, li kienet is-saħħara, prattikament il-ħażina ta’ din il-panto. Niftakar ukoll meta ġew fuqi u qaluli, ‘issa ħa ttir!’ Ma kontx naf x’inhu ġej għalija! Rabtuni, tellgħuni fl-għoli ħafna, bdejt inwerżaq kemm niflaħ, għax ovvjament ma tmiss ma’ xejn u tkun qisek litteralment qed ittir. Dik hi xi ħaġa li iva nibqa’ niftakarha f’dan iż-żmien. Illum il-ġurnata mhix xi ħaġa li nerġa’ nagħmel, anke minħabba l-fatt li issa għandi t-tifel.
Hawn min jibda jżejjen minn Novembru għall-Milied – inti waħda minnhom jew mhux daqshekk minn kmieni?
Jiena nibda nżejjen qisu l-aħħar ġimgħa ta’ Novembru. Diċembru nħobb nibdieh bit-tiżjin tal-Milied lest, pero mhux iktar kmieni, għax narah ħafna. L-aħħar ġimgħa ta’ Novembru iva nkunu irrid li jkolli s-siġra tal-Milied, il-Bambin ħareġ, biex nibdew l-atmosfera. Ma narax films tal-Milied kmieni, normalment nipprova nġebbed kemm niflaħ! Dak ikun il-wind down tiegħi, li jkolli l-ħin filgħaxija, anke fil-ħdax ta’ bil-lejl wara x-xogħol. Niġi d-dar nagħmel tazza kafe u noqgħod nara xi film tal-Milied, u nkun irrid id-dar imżejna.
L-iktar kanzunetta tal-Milied favorita – u għaliex?
Sinċerament jiena ffisata tal-Christmas carols bil-Malti. Tlajt bihom, kantajthom ħafna u ngħallimhom lill-kor tiegħi llum il-ġurnata. Naħseb m’hemmx waħda li ngħid din il-favorita, pero jien jogħġbuni ħafna kanzunetti tal-Milied antiki, l-antiki nett ngħidilhom jiena. Bħal; Have Yourself a Merry Little Christmas, Ninu Ninu Tal-Milied, Fuq Tiben F’Maxtura, It’s The Most Wonderful Time Of The Year. Qed insemmi naqra bil-Malti, u naqra bl-Ingliż, għax kull playlist nisma’!
Kliem minn kanzunetta tal-Milied li tħobb tkanta l-aktar f’dawn iż-żminijiet.
Normalment, naqbad kanzunetta u nkompli f’oħra! Bħal nibda, ‘Have yourself... a Merry little Christmas!’, u naqbeż f’parti oħra, ‘Here we are... as the Golden days... Happy Golden days!’ Jew inkella naqbad b’xi waħda li semmejt l-ewwel, ‘Fuq tiben f’maxtura... fost bhejjem ġo għar...’ Kemm ngħid il-lirika u nieqaf hemm, ma nkantahiex kif suppost. Sempliċiment inkun għaddejja b’xi ħaġa, jew nara lit-tifel iħares lejja, u iktar ma narah iħares lejja u jidħak, iktar inkompli għaddejja! Nanimaha, dik il-kelma!
Messaġġ jew kelmtejn għall-Milied għas-segwaċi kollha tiegħek u għall-pubbliku.
Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lill-pubbliku u lis-segwaċi kollha, li jagħtu sapport kontinwu, anke meta tlabt għalih. Anke meta tlabt għal ftit sapport u ftit spazju, is-segwaċi kollha fehmu li din hi importanti. Nirringrazzjahom minn qalbi, nawguralhom minn qalbi, u kif dejjem ngħid, għax anke fuq il-programm li nippreżenta, dejjem inkun pożittiva kemm jista’ jkun. Affarijiet ħżiena ħa jiġru sfortunatament, iżda affarijiet tajbin jiġru wkoll! Illum il-ġurnata qed nagħtu każ aktar in-negattiv milli l-pożittiv. Kultant ninsew kemm hemm affarijiet sbieħ, u nies li jħobbuna madwarna! Allura, jiena nixtieq ngħid lis-segwaċi tiegħi, l-ewwel ħaġa li għandek tagħmel meta jidħollok xi ħsieb ħażin, ieqaf, u aħseb ftit x’għandek tajjeb l-ewwel. Imbagħad jiġi l-ħażin, naħsbu fuqu u nirranġawh.
It-tim ta’ Gwida.mt japprezza immensament din l-intervista li Tiziana ġentilment aċċettat li tagħmel! Nirringrazzjawha mill-qalb għall-ħin tagħha u talli qasmet magħna tant ħsibijiet. Awguri għal Milied hieni u għas-sena l-ġdida l-2025, għażiża!