L-1 ta’ Jannar 2025! Hekk hu bdejna sena oħra għeżież! Aħna ta’ Gwida.mt għal sena oħra xtaqna li nagħżlu xi personalitajiet li magħhom nitkellmu dwar is-sena li għadha kif spiċċat, il-bidu tas-sena l-ġdida, dak li għandhom pjanat, xewqat tagħhom u aktar.

Tkellimna fil-fatt mal-maħbub HOOLI. M’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni, hekk kif it-timbru mużikali tiegħu jibqa’ wieħed popolari, kif ukoll tana tant kanzunetti li baqgħu jindaqqu u jissemmew għal snin – fosthom Oriġinali Bħali.  

Maż-żmien lil HOOLI rajnieh anke jieħu sehem f’diversi produzzjonijiet lokali, fosthom Dejjem Tiegħek Becky, KC, Division 7 u riċentament Mejta Biex Ngħix. HOOLI, bħal ħafna oħrajn, għadda minn mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli lejn l-aħħar xhur tal-2024.  Araw fuq xiex tkellimna ma’ HOOLI għall-bidu tas-sena 2024!

Kultant issib min jgħidlek ‘U ija ħa tispiċċa sena u tibda oħra, ġurnata bħall-oħrajn!’ – Int kif tħares lejn il-bidu ta’ sena ġdida, HOOLI?

Jien ma nħarisx lejha bħalha ġurnata bħall-oħrajn, anzi inkun qed inħares ‘il quddiem sabiex nara x’hemm lest għalija, b’mod speċjali din is-sena!

Kif tqattagħha l-bidu tas-sena l-ġdida normalment?

Normalment, lejlietha nqattagħha mal-aktar ħbieb għeżież tiegħi, u l-għada nkun miġbur aktar ma’ tal-familja, imma dawn l-aħħar ftit snin kważi dejjem kont qed inqattgħu barra minn Malta mal-għażiża tiegħi, inżuru postijiet u kulturi differenti.

Xi memorji li għandek ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena mill-passat. Xi tgħidilna?

Kull Lejlet l-Ewwel tas-sena fih l-istorja tiegħu, però tnejn li jibqgħu stampati f’moħħi kienu: waħda meta konna mifthiemin sabiex nakkumpanjaw lil oħti u l-għarus biex inqattgħu New Year’s Eve ma’ ħbieb tagħhom li ma konniex nafu. Minħabba raġunijiet ta’ saħħa, oħti kkanċellat il-vaganza, aħna morna xorta, u qattajna wieħed mill-isbaħ New Year’s Eve f’Rotterdam, waqt festin ma’ grupp ta’ nies li sirna nafu f’dik il-lejla u għadhom ħbieb sal-lum.

It-tieni, kien New Year’s Eve tal-2021, fi żmien il-pandemija, qattajt il-lejla bejn tnejn; id-dar f’Lussemburgu, u bil-limitazzjonijiet li konna fihom, irnexxielna ngawdu u napprezzaw aktar lil xulxin fl-ispirtu ta’ dik il-lejla.

Temmen bir-riżoluzzjonijiet għas-sena l-ġdida?

Meta kont nemmen qatt ma żammejthom, però s-sena l-oħra għamilt waħda li rnexxieli nżomm tul is-sena kollha, li hi, li ma jkollix iktar riżoluzzjonijiet u li nibqa’ l-persuna li jien u ngħix ħajti kif inħobb.

Is-sena 2024 waslet fi tmiemha, bil-mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli li ġarret magħha. X'tgħallimt minn din is-sena?

Is-sena 2024 hija sena li tibqa’ impressa fil-memorji tiegħi. Tgħallimt kemm dak li nemmen fih huwa tajjeb, u cioe, li tgħożż u tgawdi lill-għeżież tiegħek kull mument li jkollok, għax meta titlifhom ikun tard wisq. Tlift lil missieri u bħal ma jgħidu, jingħalaq bieb u jinfetħu mija, ser insir missier għall-ewwel darba!

Dak li tixtieq u li tinsab ħerqan għalih fl-2025 (kemm fuq livell personali, kif ukoll anke fil-karriera mużikali/professjonali)

Ovvjament ħerqan immens biex niltaqa’ ma ibni, ingawdih, ngħallmu u nipprova nitgħallem inkun l-aħjar missier possibbli għal ibni u l-familja żgħira tagħna.

Fuq livell professjonali, fil-qasam mużikali, televiżjoni u midja soċjali, wieħed dejjem irid jistenna xi ħaġa ġdida mingħandi minn żmien għal żmien!

Messaġġ jew kelmtejn li tixtieq twassal lis-segwaċi kollha tiegħek u lill-pubbliku inġenerali.

Grazzi talli kontu hemm għall-21 sena li għaddew u grazzi wkoll għas-segwaċi ġodda li dejjem qed jiżdiedu, għax kif dejjem ngħid, mingħajrkom m’jien xejn!

Qatt tippruvaw tkunu bħal xi ħadd, tiddejqux taqsmu t-talenti tagħkom u tkunu oriġinali. Fuq nota finali, ma ninsewx dak li dejjem intenni f’dan il-mument ta’ ċelebrazzjonijiet, sabiex ngħinu lil min hu inqas fil-bżonn: AĦJAR NGĦINU LIL MIN HU FIL-BŻONN MILLI NIĠU BŻONN MIN JGĦINA.

It-tim ta’ Gwida.mt japprezza immensament din l-intervista li HOOLI ġentilment aċċetta li jagħmel! Nirringrazzjawh mill-qalb għall-ħin tiegħu u talli qasam magħna tant ħsibijiet. Awguri għall-2025 għażiż!


Kyle Zarb