Gwida.mt tkellmet ma' Venere Sultana, tfajla li kull ma jmur, f'ħajjitha dejjem ħadmet biex tgħix min verament hi. Mhux dejjem kien kollox ward u żgħar, iżda b'kuraġġ u determinazzjoni, ħadet id-deċiżjoni li tgħix libera.
Staqsejna lil Venere dwarha nnifisha u l-messaġġ li tixtieq twassal.
Min hi Venere Sultana?
Jiena Venere Sultana, għandi 26 sena, u qiegħda ninnaviga din il-ħajja b’ħafna passjoni u ftit drama – għax m’għandekx tkun Venere mingħajr ftit storja teatrali, hux? Studjajt l-Ispanjol, Studji Latino-Amerikani u Studji tal-Komunikazzjoni, u filwaqt li l-komunikazzjoni hija l-qasam li nuża fil-karriera tiegħi, id-drawwa tiegħi li nikkontrolla n-narrattiva ta’ ħajti bdiet ferm qabel!"
Jiena mix-Xagħra, Għawdex, iżda b’għatx għal aktar, mort Malta qabel ma għalaqt 18 biex nibni ħajja iktar wiesgħa. Ix-xogħol tiegħi fis-settur pubbliku hu kważi kontrast komiku għal min jien bħala persuna, imma dak jagħmilha iktar interessanti! Meta ma nkunx naħdem, tista’ ssibni ngħix għal kollox: nixtri ħafna (għax ħajti trid tkun stylish GĦALL-AĦĦAR!), nilgħab b’makeup, nikkrea tibdiliet spettakolari, u ngħix l-espressjoni tad-drag tiegħi.
Barra minn hekk, inħobb naqra, nikteb, u nitla’ fuq il-palk ghal xi show – għax Venere ma taħrabx il-limelight. Il-qari tax-xorti hija ukoll element importanti ghalija la ghandi dak id-don u dejjem tista ssibni b'mazz ta' karti tal-qari tax-xorti f'idi tista tghid - il-favorit tieghi huwa ovvjament il-mazz tas-sireni!
Id-Drag Queen Venus Divine – x’tgħidilna dwarha?
Venus Divine mhix biss persona, hija r-rivelazzjoni tiegħi. L-isem ġej mill-alla Venere, mhux biss bħala simbolu ta’ sbuħija u mħabba, imma wkoll b’għajta: “Ara lili, din hi l-verità tiegħi!” Meta nitla’ fuq il-palk bħala Venus Divine, huwa l-mument fejn inħossni kompluta kollni kemm jien - bhal xi trasformazjoni leggendarja mifnija b'poteri li jiftakru id-dinja tiffrorma u tinferaq mill-ibhra.
Drag għalija hija mhux biss forma ta’ arti imma wkoll il-libertà. Hija fejn il-kuraġġ tiegħi joħroġ sfrenatament, u fejn kull biċċa ta’ dubju jew konfużjoni li kelli dwari nnifsi titmermer. Venus Divine hija fejn Venere u l-kunfidenza micidjali ta' ġewwa fija jiltaqgħu.
Venere, fl-aħħar snin wettaqt bidla fl-identità tiegħek. Hemm xi esperjenza li tiftakar meta tant ħassejt din ir-realta dwarek innifsek, forsi meta kont iżgħar?
Tiftakar ċertu mumenti fil-ħajja li bħal donnhom jitfgħuk f’xi film? Leħen f’moħħi jgħidli: “Din mhix il-ħajja tiegħek. Qed tirrakkonta storja li ma tagħmilx sens għal min int.” Għamilt ħafna żmien ngħix bħal dik il-figura fuq il-palk, bħal xi ħaddieħor kien qed jikteb l-iskript tal-ħajja tiegħi. Imma ġurnata waħda, qomt, ħarist fija nnifsi fil-mera, u għidt: “Għala qed tgħix din id-drama ta’ ħaddieħor?”
U dak kien il-mument. Kull daħka falza, kull kompromess, kull rifjut li nkun min tassew kont ġewwa fija, mietu. Kelli bżonn nagħmel ħaġa waħda – noqtol ir-raġel li kont ġejt mgħallem li kont. Lejla waħda, għaddejt minn ritwal interni li ħadd ma kien jaf bih. Kienu jħarsu lejja u ma jaraw xejn ħlief lil "dak", imma ġewwa fija... kien diga beda ir-Rinaxximent ta' Venere!
Il-mewt ta’ dak ir-raġel kienet it-twelid tiegħi. Kien mument fejn qalbi nfaqgħet f’miljun biċċa biex nerġa’ nibniha kif kont jien. Għax xi kultant, biex twelled il-verżjoni vera tiegħek, trid tħassar kull xorta ta’ ħaġa falza. Il-mument li poġġejt lil Venere fuq quddiem, rajt dinja ġdida tinfetaħ quddiemi. Kienet qisha Botticelli nnifsu kien qed jiġbed il-pinzell biex idaħħalni f’dik il-ġawhra ta’ pittura: The Birth of Venus.
Ħadd ma jista’ jaħrab mill-ġudizzju, imma xejn ma hu iktar liberatorju milli tħares id-dinja f’għajnejha u tgħid: “Jien hawn. Jien Venere. Qieghda ngħix.”
X’kienet waħda mill-akbar sfidi li sibt u għelibt?
Id-dubji. Mhux sempliċiment tiegħi, imma dawk li tisma’ mingħand in-nies madwarek: “Tista’ tagħmel dan?” “Għandek tkun int?” “Imma x’jgħidu n-nies?” Tgħix bħala mara trans f’sistema li mhux dejjem tagħmel post għalik kienet l-akbar sfida tiegħi. Imma jien ħriġt minn dik id-dinja bħalma toħroġ Venus minn qalb il-mewġ u r-rgħawa tal-bahar fil-pittura ta' Botticelli – b’saħħa ġdida, iddominata mid-determinazzjoni divina, u s-sbuħija u l-imħabba.
X’kien l-isbaħ kumment li rċevejt matul din il-bidla?
Darba, xi ħadd qalli: “Li qed tgħix il-verità tiegħek jagħmilha aktar faċli għalija li nsib tiegħi.” Dak il-kumment ħalla effett kbir. Meta n-nies jarawk tiddi, jagħtihom il-kuraġġ biex idawwlu d-dlam tagħhom ukoll.
Taħseb li l-midja qed tagħmel biżżejjed biex tqajjem għarfien dwar; li tkun trans, u li tkun drag?
Mhux biżżejjed. Kultant il-midja tpinġi s-sitwazzjoni jew għaż-żejjed drammatika jew sempliċiment skorretta u f'oħrajn fejn nisa trans huma sempliċiment kurżità sesswali, gost jew xi sigriet. Ir-rappreżentazzjoni għandha tkun iktar awtentika, varjata, u minn perspettiva ta' trans stess. Nisa trans ma għandhom xejn inqas jew aktar min-nisa li twieldu nisa u ovvjament l-istess għall-irgiel trans. Tħallu lil ħadd jgħidilkom il-valur tagħkom x'inhu.
Drag qed jagħmel progress kbir grazzi għall-espożizzjoni internazzjonali, imma hawn Malta, għadna lura ħafna. Drag m’huwiex biss ċajta – huwa statement u forma artistika enormi.
Xi ħadd li kien ta’ ispirazzjoni u appoġġ f’ħajtek?
Ommi, Mary. Hija l-qalb u l-blata soda tiegħi. Anke meta s-sitwazzjoni kienet diffiċli biex tifhimha, dejjem kienet l-ewwel waħda li qalet, “Jiena hawn; naċċettak u nħobbok.” Dak l-appoġġ hu għal dejjem.
Messaġġ lil dawk li għadhom qed jibżgħu jaċċettaw lilhom infushom:
Ħadd mhu se jgħix din il-ħajja għalina, mela għamilha tiegħek! Il-verità tiegħek tista’ ma tkunx dejjem faċli, imma hija tiegħek. Ix-xogħol hu għalik – agħmel il-bidla, anke jekk tkun pass żgħir, u ħaġa waħda tkun taf: kull pass iġibek eqreb lejn il-paċi li qed tfittex.