Inkomplu niltaqgħu mar-rebbieħa tal-Malta Junior Eurovision Song Contest, din id-darba jmiss il-grupp GRRLZ li spiċċaw fit-tieni post bil-kanzunetta li ġġib l-istess isem. GRRLZ hu grupp ta' erba' tfajliet, Mia ta' 12-il sena, Alaiha ta' 11-il sena, Natalia ta' 12-il sena u Rihanna ta' 13-il sena.

Aħna xtaqna li nsiru nafuhom aħjar u araw x'kellhom jgħidulna. Mia Mifsud, mill-Marsa u qaltilna li tħobb ħafna il-mużika pop u l-kantanta favorita tagħha hija Olivia Rodrigo, il-passatempi tagħha huma l-kant u l-futbol . Alaiha Cini hi minn Ħal Luqa u tħobb ħafna il-mużika pop ukoll filwaqt li l-kantanta favorita tagħha hija Billie Eilish, milli jidher barra l-kant hi tħobb tilgħab online.

Natalia Xerri hi minn Ħaż-Żabbar u tħobb il-mużika rock. Il-band favorita tagħha huma ACDC u flimkien mal-kant tħobb il-basketball. Rihanna hi oħt Mia u bħala mużika tħobb ir-rap u l-pop. Il-kantanta favorita tagħha hija Billie Eilish. Hi tħobb l-arti u id-drama, barra l-kant.

Ma stajniex ma nistaqsuhomx kif iltaqgħu u jafu lil xulxin. Huma jgħidulna, "Aħna kollha studenti ta' La Voix Studios taħt id-direzzjoni ta' Gillian Attard u madwar sena ilu ġejna magħżulin biex immorru l-Maċedonja nikkompetu biex nirrapreżentaw lil Malta, minn hemm bqajna ħbieb tal-qalb u kuljum nitkellmu online jew noħorġu flimkien.

GRRLZ jgħidulna, "Urejna ix-xewqa li nagħqdu grupp flimkien. It-tutor tagħna Matt Muxu Mercieca li kien wieħed mill-kittieba tal-kanzunetta GRRLZ beda jgħinna biex din ix-xewqa issir reali. Din l-avventura għalina kienet sabiħa ħafna għax ħdimna ħafna flimkien u bqajna dejjem hemm għal xulxin."

Huma jiżvelaw magħna, "GRRLZ ħa jkomplu jaħdmu flimkien u diġà qegħdin naħdmu biex noħorgu Music Video u ħafna affarijiet oħra. Ħarisna lejha b'aspett ta' opportunità li ħa tiftħilna ħafna bibien, kif ukoll ingħaqadna ma' artisti oħra u l-poplu Malti jista' wkoll japprezza dak ix-xogħol kollu li għamilna billi jieħdu pjaċir magħna f'dawk it-tliet minuti fuq il-palk! Il-kanzuneta tagħna nistgħu ngħidu li fija bużż kbir!"

Il-grupp ikompli jgħidilna, "Il-lirka għandha t-tema ta' girl power għaliex qed inħeġġu biex kulħadd iħossu kundifdenti u ma jinsiex is-sbuħija tiegħu." Huma jgħidulna li minkejja li GRRLZ għadhom jibdew, għandhom ħafna enerġija u saħħa biex ikomplu. B'hekk ċertament li se jkunu qed jaqsmu l-palk flimkien 'il quddiem.

Huma jtemmu, "Dan għadu l-bidu tal-avventura tant sabiħa li għandna, u li diġà hemm proġetti li ma nistgħux nikxfu imma eċitanti! Żgur terġgħu tarawna."


Emil Calleja Bayliss