Clara Farrugia, żgur li kulħadd jiftakarha bħala l-preżentatriċi ta' TVAM flimkien ma' Quinton Scerri. Minn dak iż-żmien lil hawn rajnieh f'diversi programmi televiżivi differenti u forsi ħafna jafuha għal dawk il-ftit minuti ta' lezzjonijiet qosra tal-lingwa tas-sinjali li kienu jidhru fuq TVM.

Clara lesta għal avventura oħra, din id-darba flimkien ma' Luke Dalli u Wayne Sammut permezz tal-programm Awla li ħa jibda jixxandar il-Ġimgħa filgħaxija. Fil-bidu ta' dil-ġimgħa, ħareġ ir-ritratt promozzjonali ta' dan il-programm ġdid li ħa jibda jixxandar fuq ONE. Permezz ta' dan ir-ritratt ġie żvelat ukoll li Clara hi tqila.

Kif wieħed jista' jara, il-preżentatriċi qed tistenna l-ewwel tarbija tagħha mal-maħbub tagħha Gordon Bonello li żgur m'għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Lil Gordon rajnieh jippreżenta l-ewwel edizzjoni ta' Malta's Got Talent riċentament, iżda is-sehem tiegħu f'numru ta' produzzjonijiet lokali dejjem kien magħruf.

Aħna f'isem it-tim ta' Gwida.mt, nawguraw lil Clara u lil Gordon f'din l-avventura ġdida għalihom bħala koppja filwaqt li nawguraw lil Clara wkoll għall-programm Awla. Programm li ċertament ħa jiġbed ħafna interess il-Ġimgħa filgħaxija. Awguri minn qalbna.

Facebook / Clara Farrugia


Emil Calleja Bayliss