Jekk issegwi lil Joseph Calleja fuq il-midja soċjali, hemm ċans kbir li lmaħtu video tiegħu live fuq Facebook, fejn kien qiegħed iwieġeb xi domandi li bdew jistaqsuh is-segwaċi tiegħu. Jekk ma kellkomx ħin taraw kollox, tħabblux raskom: hawnhekk issibu taqsira ta’ xi punti ewlenin li semma’ t-tenur Malti waqt li kien live.

Ian Abdilla

Qabel il-mistoqsijiet, huwa beda billi ħabbar l-istaġun mużikali l-ġdid tiegħu, u li minn hawn u ftit ieħor se jinstab ġewwa Chicago sabiex jibda l-preparamenti. Fost ħafna tislim u ringrazzjamenti, Joseph Calleja żvela li fl-istaġun li jmiss se jkun qed jiddebutta fil-Grange Park Opera fl-opera La Gioconda, u li ħerqan immens sabiex jibda.

Ħa l-ħin ukoll sabiex iwissi lill-udjenza tiegħu dwar profili foloz li qed iduru fuq il-midja soċjali u li qed jitolbu l-flus mingħand in-nies, xi ħaġa li m’ilux ġrat ukoll lil kantanti bħal Emma Muscat.

Ian Abdilla

Fost il-mistoqsijiet li rċieva, bosta kienu dawk li kellhom x’jaqsmu mal-kunċert annwali tiegħu. Filwaqt li kkonferma li tas-sena d-dieħla se tkun qiegħda sseħħ, kellu ħafna kliem ta’ tifħir meta ġie mistoqsi x’deherlu mill-edizzjoni ta’ din is-sena. Huwa stqarr li kienet unur li kellu l-opportunità jkanta ma’ Andrea Boccelli (u li issa sar ħbieb miegħu u ma’ martu), u faħħar l-artisti lokali li ħadu sehem bħal Ira Losco, Gillian Zammit, Nicole Frendo u l-kor tat-tfal. Ma naqasx milli jsemmi l-Orkestra Filarmoika, li issa jqis bħala s-sinsla tal-kunċert annwali.

L-udjenza wriet ix-xewqa li jirritorna Bocelli xi darba fil-futur, iżda ma kinitx xi ħaġa li Calleja seta’ jaċċerta peress li xogħol it-tenur Taljan huwa wieħed impenjattiv. Min-naħa l-oħra semma’ li għalkemm m’hemmx pjanijiet, jieħu pjaċir kbir kieku kellha tiġi Adele tkanta ġewwa Malta.

Ian Abdilla

Xi mistoqsijiet qabżu fuq affarijiet differenti għalkollox, bħal meta ntalab isemmi l-ikel Malti favorit tiegħu: issa nafu li ma jistax jgħaddi mingħajr il-fenek moqli u l-lampuki! U barra minn hekk, Calleja ma wera l-ebda oġġezzjoni li jappoġġja lil Pete Buttigieg bħala l-president il-ġdid tal-Istati Uniti.

It-tenur għalaq billi semma li l-live blog li jmiss se jkun qed iseħħ minn ġewwa Chicago, allura jekk għad għandkom xi domanda tberren f’moħħkom, oqogħdu attenti biex żgur tkunu tistgħu tistaqsuhielu!

Facebook / Joseph Calleja 


Kurt Gabriel Meli