Kellna ċ-ċans li nitkellmu mal-Veterinarju frisk Neil John Cutajar dwar x'wasslu li jaqbad din il-linja u kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn l-annimali. Hu jgħidilna, "Billi ġejt imrobbi ġo dar mimlija bl-annimali, dejjem kelli mħabba kbira lejhom. Allura m’hemmx dubju għala qatt ma rajtni nagħmel xogħol ieħor, dejjem kont ċert li kelli nkun veterinarju. Dan għaliex b’xogħli se nkun nista' nagħti servizz kemm lill-annimali u kemm lin-nies li tant iħobbuhom."

Hu jispjegalna, "Nemmen li wara kull annimal hemm bniedem, u it-tnejn huma importanti f’din il-professjoni. Huwa unur kbir għalija li se nkun qed nibda l-karriera tiegħi bl-għan li nipproteġi s-saħħa tal-annimali u nagħmel impatt pożittiv fil-komunità tiegħi."

Neil ikompli jgħidilna, "Hekk kif wasalt xahrejn biss ‘il bogħod mill-bidu tal-karriera tieġħi ġewwa l-Ingilterra, ma nistax ma nħarisx lura lejn il-memorji sbieħ li għamilt waqt l-istudji tiegħi ġewwa Budapest, fl-Ungerija. Għaddew sitt snin minn meta tlaqt il-kumdità ta’ dari, u nkun qed nigdeb ngħid li ma kienx hemm element ta’ biża' preżenti. Ma kellix idea li dak li kien qed jistennieni kien se jkun l-isbaħ żmien ta’ ħajti s’issa, li ffurmatni fil-bniedem li jien illum."

Hu jżid, "Bħal kull ħaġa ta’ valur fil-ħajja, din l-esperjenza kienet twila u mimlija ostakli. Min jaf kemm qattajt sigħat bilqiegħda nistudja (kif ukoll nipprokrastina fuq il-mowbajl) għal numru sostanzjali ta’ eżamijiet li dehru qishom ma riedu jispiċċaw qatt. Iżda xejn m’huwa impossibbli, u b’naqra kuraġġ irnexxieli nkompli sal-aħħar. L-opportunità li nagħti kura lil felu ta’ żiemel u numru ta’ klieb u qtates fl-isptar tal-annimali tal-università stess kienu mumenti sbieħ li tawni l-motivazzjoni biex nibqa' għaddej sakemm gradwajt."

Neil ikompli b'ringrazzjament speċjali, "Ta’ dan nixtieq nirringrazzja lill-familja u l-ħbieb tiegħi li tant inħobb, mingħajr is-sapport tagħhom dan kollu ma setax iseħħ. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil ‘Malta Veterinary Scholarship Scheme’, iffinanzjat mill-gvern ta’ Malta, talli nvestew fl-istudji tiegħi."

Hu jtemm, "Għal min wasal s’hawn, nixtieq nirringrazzjakom u nħallikom bi ħsieb żgħir; ninkoraġixxi lil kulħadd biex jsib il-passjoni tiegħu u jużaha biex ikun sors ta’ tjubija fid-dinja. Il-kuntentizza tinsab fis-servizz u mħabba lejn ħutna l-bnedmin u kull ħlejqa oħra. Dejjem ftakar biex tkun umli u ibqa' kurjuż."


Gwida.mt