Sor Marija Goretti hija responsabbli fit-tmexxija tal-Isptar San Luqa f’Bujuni, l-Uganda li mhux darba u tnejn kien megħjun sew minn Missio Malta kif ukoll minn Missio Awstralja li dawn tal-aħħar għenu fil-bini ta’ dan l-isptar. Is-sena l-oħra, bil-fondi miġbura mill-maratona ta’ Missio Malta, inxtrat ambulanza lil dan l-isptar sabiex persuni li jridu attenzjoni medika immedjata jaslu l-isptar f’temp qasir ħafna, speċjlament dawk l-ommijiet li jkunu waslu biex ikollhom tarbija.

"Kieku tpoġġa fl-inkubatur, George ma kienx imut fi ħdan ommu!"

Dan l-isptar, minbarra s-servizzi ta’ in-patients u out-patients, joffri diversi programmi għall-komunità, fosthom tilqim għat-trabi u tfal żgħar. Sor Marija, li hija avvanzata fl-età, għaddiet ukoll minn problemi ta’ saħħa wara li kellha tiċievi trattament tal-kimoterapija, imma għall-grazzja t’Alla għadha għaddejja bil-ħidma tagħha bla waqfien. Fi kliem Sor Marija stess, dan l-isptar għad jonsqu ħafna affarijiet bażiċi sabiex ma jkomplux jintilfu l-ħajjiet la tal-ommijiet u wisq anqas tat-trabi. L-akbar bżonn huwa bla dubju d-dawl tal-elettriku l-ħin kollu, lejl u nhar. Mingħajru ma jistgħux iħaddmu magni, fosthom inkubaturi għat-trabi bi problemi fit-twelid.

Ftit tal-ġimgħat ilu, omm welldet lit-tarbja tagħha qabel iż-żmien f’dan l-isptar. It-tarbija, tifel li ssemma’ George, kien żgħir wisq u fost problemi oħra ma setax jixrob u għalhekk kellu bżonn il-kura ta’ inkubatur, iżda minkejja li inkubatur hemm fl-isptar, elettriku biex jaħdem ma kienx hemm. B’xorti ħażin, iċ-ċkejken George ma damx jgħix wisq. Sor Marija temmen li kieku tpoġġa fl-inkubatur, George ma kienx imut fi ħdan ommu. Is-soluzzjoni għal din il-problema hija l-paneli solari, sabiex il-magni, fosthom l-inkubaturi jibqgħu jaħdmu lejl u nhar. B’hekk anqas u anqas trabi jmutu.

Grazzi li se tgħin sabiex il-ħolma ta’ Sor Marija Goretti ssir realtà u b’hekk jiġu salvati aktar trabi. Missio Malta jaċċerta ruħu li komunitajiet f’sitwazzjonijiet simili t’hawn fuq, imxerrda mad-dinja kollha taslilhom l-għajnuna meħtieġa sabiex ikun jista’ jkollhom imqar il-bżonnijiet neċessarji. Dan isir billi jintbagħtu flus lill-missjunarji sabiex jipprovdu tagħlim, ikel u mediċini lil dawn il-komunitajiet. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel lil Missio fuq 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-paġna ta’ Facebook Missio Malta jew iżżur is-sit www.missio.org.mt Grazzi mill-qalb tad-donazzjonijiet tiegħek. #ilmissioint #hopemissiofest


Gwida.mt